Fiż-żmien li ġej se tkun qed tibda konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ liġi li jemenda l-kodiċi kriminali. Dan biex jitqies bħala reat kriminali li wieħed jgħajjar persuna bid-diżabbiltà tagħha.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u Kwalità ta’ Ħajja Julia Farrugia Portelli propju f’diskussjoni ma’ għoxrin stakeholder minn setturi differenti u li ġiet organizzata mill-Football Social Responsibility Department fi ħdan l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA.
L-għan wara din id-diskussjoni kien biex tkompli tiġi mbuttata l-inklużjoni f’dixxiplini bħalma hu l-futbol, irrispettivament mis-sess, l-età, ir-razza, il-kulur tal-ġilda u fuq kollox jekk intix persuna b’diżabbiltà jew le.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli faħħret id-diskussjoni li fiha pparteċipaw mal-20 stakeholder minn setturi differenti imma wkoll l-inizjattivi li dan id-dipartiment qiegħed kontinwament jieħu favur l-inklużjoni. Semmiet li bħala ministeru u anke bħala gvern għaddejja ħidma kontinwa f’dan ir-rigward tant li dan kien proprju l-ewwel ministeru li qatt ġie mwaqqaf u li jiffoka fuq l-inklużjoni u l-kwalità tal-ħajja.
Qalet li l-futbol hu, “L-akbar għodda biex twassal messaġġi b’saħħithom inkluż dwar il-ġeneru u kunflitti differenti. Rajna fl-aħħar xhur lit-team nazzjonali tal-futbol tan-nisa jibgħat l-akbar messaġġ lill-bniet, li anke l-bniet kapaċi f’dixxiplina għal snin twal kienet sterjotipata”.