L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fetħet konsultazzjoni pubblika fuq l-introduzzjoni ta’ Separazzjoni tal-Iskart Mandatorja għal kulħadd fis-sors. Dan jinkludi entitajiet governattivi, djar, postijiet kummerċjali u organizzazjonijiet oħra.
Sa issa ma hemm l-ebda obbligu għas-separazzjoni tal-iskart. Dan qiegħed iwassal għall-ammont konsiderevoli ta’ skart riċikabbli li qiegħed jintrema mal-iskart imħallat, jiġifieri fil-borża s-sewda, u b’hekk jintilef.
Is-separazzjoni tal-iskart mandatorja ser twassal għal żieda fir-riċiklaġġ u tnaqqis drastiku tal-iskart mħallat li jintrema fil-miżbliet sal-2035. Se twassal ukoll għal titjib fl-indafa ta’ żoni residenzjali u kummerċjali.
Fi stqarrija, l-ERA qalet li r-regolamenti ser jiġu introddotti ma’ kampanja edukattiva nazzjonali, u l-infurzar se jiġi introdott b’mod gradwali.
L-abbozzi ta’ dawn ir-regolamenti ġodda jistgħu jitniżżlu minn fuq is-sit eletronniku tal-ERA.
Jekk tixtieq tissottometti l-opinjoni tiegħek, ibgħat email fuq era.policy@era.org.mt sa mhux aktar tard minn nhar it-Tnejn 5 ta’ Diċembru 2022.