Dawn huma wħud mix-xeni li ddominaw il-jum tal-Ħamis.
Maltempata li qed tkun deskritta bħala waħda qawwija u f’xi waqtiet anke perikoluża.
Ġurnata li rat ukoll lill-bosta entitajiet jaħdmu katina waħda sabiex jiżguraw li l-Maltin u l-Għawdxin ikunu siguri fit-toroq tal-pajjiż u anke fi djarhom.
Fi ftit sigħat l-Uffiċċju Meteroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra medja ta’ sebgħin millimetru ta’ ilma tax-xita.
Liema xita, anke kif spjega uffiċjal tat-temp, laqtet lill-pajjiż kollu u mhux żoni partikolari.
Brian Micallef: “Bħala maltempata laqtet lill-pajjiż kollu jiġifieri bħala medja qisu laqtu 60-70 millimetru, Malta kollha però l-aktar li ntlaqat Selmun li kejjilna 107 millimetru. Mill-ġimgħa ’l quddiem qed nistennew xi ħalbiet tax-xita imma l-aktar li se jkun hemm riħ, fejn it-Tnejn mistenni jilħaq qawwa ta’ riefnu.”
Fost il-ħafna appelli li rajna waqt l-eqqel tal-maltempata, jiġifieri fis-sigħat ta’ filgħodu, kien hemm dawk mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Hawnhekk bl-aktar mod ċar, is-CPD appella biex wieħed ma jpoġġix lilu nnifsu fil-periklu bla bżonn u jiġu evitati postijiet fejn jaħkem il-baħar jew jgħaddi l-ilma, bħall-widien.
Iżda żgur mument li ġibed l-għajn ta’ kulħadd, kienet l-operazzjoni ta’ salvataġġ bil-ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta fejn ġew salvati żewġ ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u anzjana li nqabdu f’żona f’Burmarrad.
Ingħad kif waqt li l-ħaddiema kienu qed jippruvaw isalvaw lill-anzjana, l-ilma tela’ f’daqqa u b’hekk ma setgħux joħorġu huma wkoll.
Għal dan kollu, tkellimna mad-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila li spjega kif minħabba s-sigurtà, mal-ewwel kellhom jirduppjaw il-ħaddiema tagħhom: “Fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu l-kwantità ta’ ilma beda jiżdied, bdejna nagħmlu monitoring u bdejn nindunaw iż-żieda fin-numru ta’ sejħiet li beda jkollna. Kif eventwalment nilħqu ċertu livelli u naraw li l-istazzjonijiet kollha jkunu stranded ma noqogħdux naħsbuha imma skatta mekkaniżmu intern fejn irduppjana n-nies tal-forza u kellna aktar riżorsi umani u b’hekk bqajna attivi fl-operat.”
Psaila spjega wkoll ma xiex ħabbtu wiċċhom fil-jum tal-Ħamis: “F’mumenti minnhom konna qed naħdmu l-aktar fuq salvataġġ. L-ewwel prijorità tkun li inti tagħti għajnuna ta’ salvataġġ. Wara imbagħad jibda dak li nmorru fid-djar jew garaxxijiet jew stabbilimenti li għandhom periklu kbir illi ma jistgħux jikkontrollawh waħedhom allura nassistu aħna biex inneħħu f’pumping u nevitaw ukoll perikli oħra.”
Evidentament, madwar il-pajjiż kollu l-maltempata ħalliet xi ħsarat u perikli fit-toroq u għalhekk dlonk skattat operazzjoni ta’ tindif mid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzzjoni.
Waqt li fi Triq Buqana l-art kienet qed titnaddaf minn ammont kbir ta’ ġebel u tafal, tkellimna mad-Direttur ta’ din id-diviżjoni Ramon Deguara li spjega kif din l-operazzjoni ser tieħu s-sigħat, anke matul il-lejl: “Wara maltempata din il-kwalità meta jinżel ħafna ilma f’daqqa nistennew dawn it-tip ta’ interventi. Dan huwa post wieħed mill-ħafna li għandna x’nagħmlu matul il-lejl u ser ikun lejl iebes għall-ħaddiema kollha tad-diviżjoni fejn ser inkunu qed nintervjenu fuq erba’ lantijiet kbar ħafna fejn hawn inkonvenjent fit-toroq.”
Intant, fi stqarrija Transport Malta qalet kif il-pjanċi ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi li nstabu mitlufa fit-toroq kawża tal-maltemp inġabru u qegħdin għandha.
L-awtorità ser tkun qed tagħmel kuntatt mas-sidien biex jiġbru l-pjanċi u f’dawn iċ-ċirkostanzi hi ser tkun qed toffri l-pjanċi mingħajr ħlas.