Il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li l-Gvern mistenni jħabbar it-Tnejn se jkun l-aktar wieħed b’saħħtu li jinċentiva u jsaħħaħ lin-negozji. F’intervista fuq ONE lejlet it-tnedija ta’ dan il-pjan, il-Prim Ministru Robert Abela fakkar li dan l-akbar stimolu ekonomiku kien possibli għax il-pajjiż ma marx għal lockdown totali. Dan, qal il-Prim Ministru, se jwassal biex “in-negozji tagħna jkomplu jinċentivaw u jsaħħu ruħhom. Kieku għalaqnihom, dawk huma mejtin u ma kienx ikun hemm diskussjoni għada dwar inċentivi finanzjarji għaliex negozju mejjet ma tqajmux mill-mewt.”
Hawnhekk fisser kif fl-aħħar ġimgħat il-Gvern iffoka fuq is-sostenibbiltà ekonomika tal-pajjiż. Il-Prim Ministru appella biex il-poplu jirritorna għan-normalità, u biex jiddaħħal sens ta’ fiduċja u ottimiżmu għax kulħadd se jirċievi xi ħaġa biex titqajjem l-ekonomija:
“L-ekonomija u s-saħħa huma fuq l-istess binarju, u għalhekk irreżistejt l-għajta ta’ lockdown totali, għax dejjem emmint li għada se jasal, u se nagħtu l-istomolu meħtieġ. U huwa meħtieġ li nagħtu dak l-istomlu lin-negozji u lin-nies u nagħtu dak il-feel good factor.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni li l-Air Malta tkeċċi 69 bdot, minħabba li l-unjin tal-bdoti nsisiet fuq €73 miljun għall-iskema tal-irtirar, jew €700,000 għal kull bdot. Qal li episodji ta’ pika industrijali mill-ALPA ilhom għaddejjin, u saħansitra ġieli waslu għal dewmien fit-titjiriet. B’dispjaċir innota wkoll li l-ALPA kienet l-unika unjin tal-Air Malta li ma riditx tadatta għar-realtà tal-pandemija Covid-19:
“Il-Gvern issa ħa d-deċiżjoni tiegħu u mhux se jkun hemm backtracking minnha. Issa huwa min-naħa tal-ALPA li tagħmel iċ-ċaqliq tagħha, biex jekk trid li nerġgħu inpoġġu madwar il-mejda, trid toħroġ bi proposti li jagħmlu sens u li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal linja tal-ajru kompetittiva u li tħabbatha ma’ oħrajn, u li tissalvagwardja l-futur tal-linja tal-ajru u l-impjiegi tal-ħaddiema kollha tal-Air Malta.”
Fil-ġimgħa li mmarkat tliet snin ta’ Gvern Laburista ġdid, Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jinsab sodisfatt għaliex twettqu, jew qed jitwettqu 76% tal-miżuri fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista. “Dak il-manifest huwa l-kuntratt tagħna bħala Gvern mal-poplu, u jrid jitwettaq fis-sħiħ. Għandna mandat sa-2022, u qabel jiġi implimentat dak il-manifest kollu ma mmorrux għall-elezzjoni. L-għan tiegħi hu li dak nimplimentawh kollu.”
Il-Prim Ministru temm jinnota kif dan huwa Gvern iffukat, b’viżjoni u direzzjoni ċara. Gvern li se jkompli jipprova dan kollu fix-xhur li ġejjin, fejn se jibqa’ jisma’ lin-nies u jmexxi b’responsabbiltà.