Il-Mużew Marittimu fil-Birgu li jilqa’ fih eluf ta’ oġġetti marbuta mal-baħar se jiġi rrinvot u mmodernizzat b’investiment ta’ €2 miljun. Il-proġett minn Heritage Malta se jara l-mużew jikber b’500 metru kwadru l-ispazju għall-pubbliku kif ukoll l-ispazju għall-wiri. Apparti minn hekk il-mużew se jilħaq aktar viżitaturi diġitali permezz ta’ diġitizzazzjoni ta’ 2,600 mitt oġġett mill-kollezzjon tal-mużew.
F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħataw id-dettalji tal-proġett, iċ-ċermen ta’ Heritage Malta Anton Refalo qal li l-proġett se jsaħħaħ il-binja b’għadd ta’ interventi stutturali li se joħolqu mill-ġdid l-ambjent li ġie ddisinjart oriġinarjament mill-Arkitett Brittianiku William Scamp f’nofs is-Seklu 19.
“Nagħmlu proġett li kull min jiġi hawn, ikun proġett diġitali u virtwali, fis-sens li inti għandek mużew li mhux sempliċiment huwa depożitarju imma inti għandek il-pubbliku jikkomunika u interattiv mal-oġġetti li jkun qed jara”.
Il-proġett jinkludi wkoll it-tneħħija tal-fdalijiet ta’ wieħed mis-silos li nbena aktar tard matul l-era l-Ingliża u l-bini mill-ġdid tal-arkati kif ukoll it-tiswija u r-restawr tas-saqaf ta’ fuq nett tal-binja. Dan wara li diġà rat ir-restawr tat-turretta, il-faċċata ta’ quddiem il-ġnub u qiegħed fil-proċess li tlesti r-restawr tal-faċċata ta’ wara u l-aperturi kollha b’Fondi Nazzzjonali.
Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici qal li l-proġett se joħloq ukoll spazju aktar aċċessibbli fil-pjan terran li jinkludi żona tal-lqugħ, ħanut tal-mużew u spazji għall-wirjiet temporanji.
“Identifikajna żewġ miljun ewro li ħa jiġu investiti hawnhekk sabiex din il-binja li fiż-żmien kienet, fi żmien l-Ordni kienet il-forn tal-Ordni, terġa’ tieħu l-ħajja, tkompli timxi ’l quddiem u nkomplu nesponu l-pubbliku b’mod illi jagħmel sens illum, bl-għajnuna tal-informatika u nagħmlu esperjenza isbaħ għal uliedna u ulied uliedna”.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia qal li s-suċċess tal-implimentazzjoni tal-proġett fil-Birgu se jiżgura l-kontribut ta’ Malta għal dawn il-fondi għat-tisħiħ ta’ setturi bħall-inklużjoni.
Il-proġett se jitlesta fi żmien tliet snin u mistenni jwassal għal żieda ta’ ħamest elef viżitatur fis-sena u żieda fl-udjenza diġitali tal-Mużew Marittimu Malti.