Il-Gvern se jniedi konsultazzjoni pubblika dwar pjan ta’ separazzjoni tal-iskart kummerċjali f’pajjiżna.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar it-twettiq tal-mużuri tal-baġit għal din is-sena.
Fl-isfond tal-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta, il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera qal li għalkemm f’sena biss mit-tnedija tal-borża l-bajda, l-iskart organiku fil-borża s-sewda naqas bin-nofs, issa ser jiffoka fuq l-iskart tal-istabbilimenti madwar Malta u Għawdex.
Il-Ministru Josè Herrera stqarr li “F’Malta għandna eluf kbar ta’ ċentri tat-turisti, restaurants, lukandi bars, postijiet ta’ divertiment li s’issa dawn on paper suppost qed jipparteċipaw fis-separazzjoni tal-iskart fil-vertità ftit li xejn qed isir separazzjoni f’dan ir-rigward allura din is-sena ħa nindirizzaw l-isforzi tagħna hemmek u għandna dokument li daqt noħorġuħ għall-konsultazzjoni.”
Dwar it-tħaddir ta’ pajjiżna, Il-Ministru Herrera qal li din is-sena ġie rriġinerat il-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta li kien tħalla fi stat ta’ abbandun. Huwa żied jgħid li beda l-proċess ukoll biex fil-jiem u u x-xhur li ġejjin jitħawlu l fuq minn 40 elf siġra u arbuxell fl-Inwadar, fis-Salina, f’Kummena, f’Bengħajsa, f’Ta’ Qali u fil-Ġnien il-Mediterrran. Żied li għaddejja ħidma wkoll biex f’Wied Fulija li għal snin intuża bħala miżbla jinżergħu 45 elf siġra oħra.
Huwa ħabbar ukoll li fil-ġimgħa li ġejjin se jidħol fis-seħħ il-proġett tal-kontenituri tax-xorb. Proġett li ser ikun qed jiġbor mal-mitejn miljun flixkun tal-plastik, tal-ħġieġ jew laned fis-sena.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd Clint Camilleri qal li matul din is-sena l-bdiew u r-raħħala gawdew minn bosta skemi.
Fost dawn kien hemm l-iskema tal-ħsarat mill-maltempati li ġġeddet għal xahar ieħor sabiex tibqa’ ttaffi l-ispejjeż tal-bdiewa.
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri sostna li “Qegħdin nilqgħu l-applikazzjonijiet fejn ġeddnieha wkoll għal xahar ieħor fejn jidħol l-iskema li ħabbarna ftit tax-xhur ilu rigward l-istorm damages. Il-ħsarat li saru fil-maltempata ta’ Frar li għadda fejn għandna numru ta’ applikazzjonijiet deħlin. Ukoll hemmhekk il-Gvern ser ikun qed jaqsam l-ispiża ta’ dawn il-ħsarat mal-bdiewa.”
Huwa elenka wkoll bosta inizjattivi li saru fejn jidħol il-ħarsien tal-annimali fosthom li ssaħħu l-pieni kontra l-moħqrija tal-annimali, daħlet il-liġi magħrufa kontra ċ-chained dogs, u ġew implimentati regolamenti ġodda, fejn ġew identifikati kundizzjonijiet xierqa għal meta żiemel jintuża bħala parti mit-tradizzjoni tal-karozzini.