Il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru se jikkummissjona rapport tekniku dwar id-dħul finanzjarju bażiku tal-familji.
Ħabbar dan il-Ministru Carmelo Abela waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD fl-MCAST. Huwa fisser ir-rapport bħala parti mill-impenn tal-Gvern biex jassigura dħul aktar diċenti għal kulħadd.
Il-Ministru qal li se ssir riċerka imsejsa fuq l-esperjenza ta’ pajjiżi oħra b’rabta ma’ dan il-kunċett u jagħti stimi preliminari ta’ kemm jista’ jiġi jiswa l-aktar mudell ideali ta’ dħul bażiku għal pajjiżna u kif dan jitqabbel ma’ sistemi ewlenin tas-sigurtà soċjali eżistenti.
L-eżistu ta’ din ir-riċerka se tiġi preżentata lill-membri tal-MCESD għal aktar diskussjoni.
“Għall-grazzja t’Alla dan il-pajjiż għandu tessut soċjali b’saħħtu fejn inti għandek diversi servizzi soċjali li qed jingħataw u allura ħaġa torbot mal-oħra, u nistennew bil-ħerqa l-eżitu ta’ dan ir-rapport li jħares lejn dan kollu, u fl-aħħar mill-aħħar il-bottom line hu li l-familji tagħna jkollhom dħul diċenti.”
Il-Ministru Abela qal li fl-aħħar xhur saru diversi laqgħat mal-imsieħba soċjali fl-isfond tal-iżviluppi riċenti fil-pandemija li laqtu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, fl-istess waqt li kulma jmur jinħass il-bżonn li jiġu riveduti l-liġijiet u strutturi legali oħra.
F’dan il-kuntest qed jitwaqqaf kumitat apposta tal-MCESD dwar ir-remote working.
Il-Ministru propona wkoll li jitwaqqaf kumitat ieħor li jindirizza d-differenza li teżisti fil-ħlas skont il-ġeneru.
“L-impenn tal-Gvern huwa li aħna nimplimentaw proposta oħra elettorali li tisħaq li għandu jkun hemm studju fuq il-living income bażiku ħalli naraw x’inhuma l-possibilitajiet tal-income bażiku f’pajjiżna però ma nistgħux nagħmlu dan jekk aħna ma nkunux qed nistudjaw.” 20
Intant, il-kunċett tal-futur u l-flessibilità fuq il-post tax-xogħol qed jiġi studjat fuq il-punti bażiċi ta’ fiduċja reċiproka bejn il-ħaddiem u min jimpjegah, il-produttività u l-possibilità ta’ teleworking.