B’investiment ta’ żewġ miljun ewro se jkunu qegħdin jitranġaw u jinbnew seba’ toroq residenzjali f’Santa Luċija.
F’konferenza tal-aħbarijiet oħra bit-tema Gvern għan-Nies, fejn il-Gvern qed ikun qalb il-komunitajiet jisma’ x’għandhom xi jgħidu u jindirizza l-isfidi tagħhom, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega kif ir-residenti ta’ Santa Luċija, apparti li se jibbenefikaw minn seba’ toroq residenzjali ġodda tal-ogħla kwalità, se jingħataw nifs aktar ħadrani permezz tal-belvedere ta’ Wied Garnaw li se jiġi msebbaħ b’għadd ta’ siġar u arbuxell.
Fil-fatt f’dan l-ispazju ħadrani fuq Wied Garnaw se jkun ukoll sit apposta fejn ir-residenti jistgħu jgawdu l-mixja tagħhom fil-ħin liberu f’ambjent sabiħ filwaqt li se jkun hemm korsiji ġodda għaċ-ċiklisti.
Noel Vella, il-Kap tad-Dipartiment Tal-Implimentazzjoni fi ħdan Infrastruttura Malta, spjegalna kif din il-ġimgħa bdew ix-xogħlijiet f’Dawret it-Torri, li tgħaqqad it-Triq tal-Barrani ma’ triq il-Prinjol.
Qal kif, “Issa din hija l-ewwel fażi u imbagħad wara li jitlesta dan ix-xogħol ħa jkun qed isir titjib fil-karreġġjati u ħa nsaħħu l-bażijiet tat-triq. Imbagħad ħa nkomplu għaddejjin bix-xogħol residenzjali fejn hemm sitt toroq oħrajn li ħa jsiru wkoll. Fosthom ħa jkunu qed jitranġa l-Belvedere wara li kien hemm konsultazzjoni mal-kunsill lokali fuq kif ħa jkun qed isir id disinn”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg, stqarr li l-irranġar tat-toroq joffri kwalità aħjar f’ħajjet in-nies.
Spjega, “Gvern għan-nies għaliex il-Gvern qed jagħmel it-toroq residenzjali tan-nies. Il-Gvern ħa r-responsabbilità f’idejh u qed jinvesti mitt miljun ewro fis-sena biex jagħmel dawn it-toroq u dawn it-toroq qegħdin jbiddlu l-ħajja tan-nies. Qed ibiddlu l-ħajja tan-nies għaliex ovvjament kulħadd jistenna illi fit-triq fejn jgħix, jgħix f’infrastruttura li tkun xierqa”
Fil-preżenza tas-Sindku Charmaine St. John ġie spjegat li Infrastruttura Malta se terġa’ tibni wkoll bosta toroq f’din il-lokalità fosthom Triq il-Klematis, Triq Dun M. Mifsud, Triq il-Ġjaċinti, Triq Stella Maris, Triq it-Tulipan u Triq iċ-Ċikwejra.
Fl-aħħar sentejn, fil-lokalità ta’ Santa Luċija, diġà saru erba’ toroq oħra.