Il-kommunità tas-Siġġiewi se jkollha childcare centre ġdid, bħala parti mill-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fi Triq Dun Manwel Zammit.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha qal kif ix-xogħol f’dan il-proġett li jinkludi fih erbgħa u tmenin appartament, flimkien ma’ tlieta u sebgħin garaxx, miexi b’ritmu mgħaġġel.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol f’din il-binja, il-Ministru Galdes ħabbar ukoll li n-numru ta’ spazju ta’ parkeġġ fit-tieni sit ta’ akkomodazzjoni soċjali li se jinbena biswit il-grawnd tal-futbol tas-Siġġiewi, se jkun qiegħed jiżdied. Dan wara li l-Gvern reġa’ kkonsulta mal-Kunsill Lokali, flimkien mar-residenti tal-lokal.
“Apparti qegħdin nimxu ‘l quddiem biex ikollna wkoll proġett ta’ housing affordabli u housing soċjali f’pajjiżna, fosthom dan hawnhekk li beħsiebna nkunu qed immexxu ‘l quddiem biex jitlesta fix-xhur li ġejjin, xorta waħda nemmnu fil-kommunita.” Stqarr il-Ministru Galdes.
Il-Ministru Roderick Galdes spjega kif dan il-proġett huwa xhieda tal-viżjoni ekonomika u soċjali tal-Gvern hekk kif se jkun qed jagħti aktar opportunitajiet lill-komunità Siġġiewija sabiex aktar ġenituri żgħażagħ joħorġu jaħdmu, waqt li wliedhom ikunu f’ambjent sigur.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tas-Siġġiewi Dominic Grech stqarr kif huwa ta’ sodisfazzjon li l-Gvern kkonsulta mar-residenti Siġġiwin dwar dan il-proġett.