Din is-sena mat-18,000 tunnellata ta’ materjal ta’ kwalità tajba se jiġu riċiklati u rritornati fl-ekonomija. Il-maġġoranza ta’ dan hu ħġieġ, kartun, karta, metall u plastik. B’hekk l-2021 se tkun l-aktar sena produttiva għall-Aġenzija fejn jidħol materjal riċiklat.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia waqt żjara fil-faċilità ta’ Sant’Antin f’Wied il-Għajn, fejn spjega li s-sena li għaddiet, il-WasteServ issimplifikat u ffukat l-operat tagħha. B’hekk irnexxielha tirkupra min-nirien tal-2017. Din, qal il-Ministru, hija konferma li l-Gvern qed jaħdem biex iwassal ambjent aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Ministru Farrguia qal, “Huwa l-akbar wieħed sa minn meta twaqqfet il-Wasteserv fl-2002. Ifisser ukoll li l-investiment li għamilna fin-nies u l-makkinarju s-sena l-oħra, issa bdew jagħtuna n-numri li mmirajna għalihom fis-snin li għaddew biex lil Malta neħduha fil-livell li jmiss.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca qal li dawn il-kisbiet huma biss il-bidu, u wieħed jistenna titjib akbar fis-snin li ġejjin.
Huwa stqarr: “Dan qed nuru li teamwork, dedikazzjoni u mira iebsa, nistgħu nilħqu l-miri importanti li jwasslu għal titjib fil-ħajja tan-nies għax qed ninvestu f’ambjent aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri.”