L-istrateġija ta’ trasformazzjoni tal-Pulizija għall-ħames snin li ġejjin, hija mfassla b’tali mod li tbiddel u ssaħħaħ il-Korp ħalli jimxi id f’id mas-soċjetà.
Żewġ affarijiet li se jilħqu dan l-għan huwa l-mod kif isiru l-promozzjonijiet u kif jiġu analizzati talbiet biex Pulizija jiċċaqalqu minn taqsima għal oħra.
Dwar dan, ONE News tkellem mal-Assistent Kummissarju tal-Pulizija, Ramon Mercieca.
L-Assistent Kummissarju stqarr, “Qabel joħroġ transfer tiġi mnedija sejħa li fiha jitfasslu u jiġu studjati l-ħtiġijiet u l-ħiliet kollha tal-pożizzjoni partikolari fejn il-Kummissarju tal-Pulizija jappunta bord li jkun kompost minn nies li jkollhom esperjenza f’dak il-qasam u l-kandidati li jiġu quddiemu jsirulhom ċertu domandi li jkunu marbuta mas-sejħa tal-applikazzjoni biex jintgħażlu l-aħjar kandidati għal dak il-post.”
Is-Sur Mercieca spjega li dan diġà beda jsir, u qed joħloq sens ta’ soljev u meritokrezija fost l-uffiċjali nfushom għaliex qed jaraw li l-affarijiet qed isiru kif suppost.
“Qabel li kien isir huwa li l-Kummissarju jaqbad u jagħżel persuna, jaqbad u jitfagħha f’post, ma jfissirx li l-Kummissarju jkun għażel li jitfa’ f’post u mhux f’ieħor, dil-persuna se tirnexxi dejjem jiġifieri kien ikollok sitwazzjonijiet fejn wara ċertu ammont ta’ żmien tinduna li tkun investejt f’persuna, tkun infaqt il-flus, tkun bgħatthom korsijiet, u dil-persuna mhux għax tkun trid hi imma forsi n-natura tax-xogħol ma jikklikkjax mal-karattru tagħha, allura ma tkunx qed tagħmel investiment kif suppost.” Sostna s-Sur Mercieca.
L-Assistent Kummissarju spjega li f’każ ta’ promozzjonijiet fi ħdan il-Korp, issa qed isiru b’sejħa interna b’linji gwida ċari u mhux kollox fid-diskrezzjoni tal-Kummissarju.
Is-Sur Mercieca sostna, “It-tfassil fuq l-istrateġija biex tkompli tavvanza minn Pulizija sa Supretendent tarġa tarġa, jara li tkompli tistudja fl-Akkademja, kull kors li tagħmel ikun qiegħed akkreditat u sintendi minn hemmhekk tkompli fil-karriera tiegħek u titla l-iskaluni fil-progression tal-Korp tal-Pulizija.”
B’dawn il-bidliet, il-Pulizija qed jagħmlu xogħolhom aħjar u b’mod aktar trasparenti, filwaqt li ċ-ċittadin jinqeda aħjar minn persuni kompetenti.
“Il-fatt li l-persuna li se tkun qiegħda tieħu r-rapport se tkun iktar imħarrġa u iktar kuntenta waqt il-qadi ta’ dmirijietha – għax il-pjan tal-istrateġija joffri wkoll titjib fil-ħajja tal-Pulizija b’family friendly measures, awtomatikament iċ-ċittadin se jkollu riżultat iktar aħjar jiġifieri t-training kollu li hemm maħsub fiha din l-istrateġija se jwassal biex il-Pulizija se jkun Pulizija aħjar, l-output tiegħu se jkun aħjar u ċ-ċittadin se jkun moqdi aħjar.” Stqarr l-Assistent Kummissarju.
B’dan il-mod, iċ-ċittadin isib il-faraġ meħtieġ mingħand il-Pulizija meta dawn isolvu l-każ li jkun ġie rrapportat.