F’mossa li qed tiġi meqjusa bħala provokanti, l-istazzjon nazzjonali Russu se jorganizza s-selezzjoni għall-Junior Eurovision fil-Krimea.
Hekk kif bir-rebħa tal-Ukrajna fil-Eurovision qam ferment sħiħ fir-Russja issa kien imiss lir-Russi biex jużaw il-Eurovision u jinku ftit lill-ġirien tagħhom.
Is-selezzjoni li biha se tiġi magħżula l-kanzunetta u l-kantant/a biex tirrappreżenta lir-Russja fil-Junior Eurovision se titella’ fl-ICC Artek ġewwa Gurzuf fil-Krimea.
Wara li skont uħud, ir-Russja ġiet imċaħħda minn rebħa mistħoqqha, il-Prim Ministru Russu Dmitry Medvedev ġie rapurtat jgħid li pajjiżu mhux se jipparteċipa fil-Eurovision li s-sena d-dieħla se jsir fl-Ukrajna. Madankollu kif hu mistenni, ir-Russja se tieħu sehem fil-Junior Eurovision li se jospita pajjiżna f’Novembru li ġej fil-Belt Valletta.
Il-Krimea huwa reġjun li ilu f’nofs kwistjoni diplomatika għal ħafna snin u lejn nofs is-seklu dsatax saret gwerra qalila.
Riċentament, hekk kif waqa’ l-Gvern Ukren ta’ Yanukovych, separatisti appoġjati mill-qawwiet Russi ħadu l-kontroll tal-Krimea minn ħalq il-militar Ukren u finalment il-President Russu Vladimir Putin għaqqad il-Krimea mar-Russja.
S’issa l-maġġoranza tal-pajjiżi madwar id-dinja ma jirrikonoxxux dan iżda għar-Russi dan xejn ma jimporta u jidher li se jkomplu għaddejjin bil-pjanijiet tagħhom biex bil-Eurovision jibgħatu messaġġ politiku ċar.