Caption: Il-Proġett tax-shore-to-ship se jiġi estiż għal żoni oħra fil-Port il-Kbir filwaqt li l-Infrastructure Malta se tibda ħidma biex jiġu estiżi l-mollijiet ta’ Pinto u Lascaris biex ikunu jistgħu jakkomodaw vapuri ta’ 350 metru.
Il-Gvern se jkompli jestendi l-proġett tax-shore-to-ship għal żoni oħra fil-parti tan-nofsinhar tal-Port il-Kbir.
Dan il-proġett, li x-xogħol fuqu jinsab għaddej f’partijiet oħra tal-Port il-Kbir u l-Port Ħieles, huwa mmirat biex, ġaladarba jsorġu, il-vapuri kbar bħal dawk tat-turisti u vapuri tal-kontejners ikunu jistgħu jitfu l-magni u jieħdu l-elettriku minn fuq l-art.
Dan se jnaqqas b’mod drastiku t-tniġġis tal-arja fl-inħawi tal-portijiet u jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja għal eluf ta’ residenti li jgħixu fil-madwar.
L-Infrastructure Malta se tibda wkoll xogħlijiet fuq il-mollijiet ta’ Lascaris u ta’ Pinto fil-Port il-Kbir bil-għan li jinħoloq moll wieħed li miegħu jkunu jistgħu jitrakkaw vapuri ta’ 350 metru. Dan il-proġett qed jikkumplimenta investiment ta’ €7 miljun li nbeda fl-aħħar xhur biex isir xogħol ta’ tħammil fil-Port il-Kbir.