Ġie fi tmiemu l-proċess ta’ stampar tal-ewwel lott ta’ karta sigura li se tkun qed tintuża għall-passport il-ġdid. Pass li jfisser li aktar tard din is-sena, iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin se jkollhom passaport Malti ġdid fost l-aktar avvanzati. Ħabbret dan is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli waqt żjara li għamlet fl-uffiċċju ewlieni tal-kumpanija De La Rue f’Basingstoke u l-fabbrika li tipproduċi l-karta, Portals De La Rue, f’Bathford ir-Renju Unit.
Hija fissret kif il-passaport Malti l-ġdid se jkun qed jiġbor fih tliet elementi ferm għal qalb il-poplu Malti li huma l-kultura, l-identità u l-ivjaġġar. Din il-bidla gradwali hija ppjanata li tiskatta aktar tard din is-sena u meta wieħed imur biex jagħmel, jew iġedded il-passaport tiegħu, se jinħariġlu wieħed ġdid mingħajr ebda ħlas addizzjonali.
Minkejja dan, dak eżistenti se jibqa’ validu sad-data tal-iskadenza tiegħu u jinbidel għal ġdid meta wieħed imur biex iġeddu. Għaldaqstant, il-passaport Malti se jkompli jkun fost l-aktar avvanzati fejn tidħol teknoloġija u sigurtà.
Farrugia Portelli tenniet li minkejja l-fatt li l-passaport Malti huwa diġà sigur u konformi mal-ogħla standards internazzjonali, dak ġdid se jkollu elementi oħra ta’ sigurtà li se jagħmluh wisq aktar diffiċli biex tiffalsifika.
Intant, il-proċess beda mill-fabbrika ta’ Portals, li tissupplixxi l-karta sigura lil De La Rue biex imbagħad l-istampar tal-passaport il-ġdid se jsir fil-fabbrika ta’ De La Rue f’Malta. Il-passaport il-ġdid se jkompli jibni fuq dak ta’ qablu u fost il-karatteristiċi l-ġodda, se jkollu paġna ta’ identifikazzjoni li se tkun f’forma ta’ polycarbonate card mehmuża mad-dokument u laser engraved permezz tal-aħħar tekonoloġija.
Minn barra l-fatt li l-karta nnifisha hija waħda sigura, il-passaport il-ġdid se jkun stampat b’inka speċjali fost elementi oħra ta’ sigurtà inkorporati fih bħal UV u visible fibres, high quality cylinder mould watermarks u security thread.
Bħal dak ta’ qablu, il-passaport il-ġdid se jinkludi fih ukoll ċippa elettronika biċ-ċertifikati diġitali mehmuża fiha li huma maħsubin sabiex tiġi vverifikata l-identità tal-persuna.
Innovazzjoni fid-dokument ġdid tal-ivjaġġar huma l-paġni ta’ ġewwa. Dawn se jkollhom disinji u xeni li juru l-identità kulturali tagħna u l-wirt patrimonju Malti stampati b’inka speċjali. Dawn l-immaġini fihom elementi ta’ sigurtà moħbija bħala prevenzjoni għall-iffalsifikar tal-istess dokument.
Barra minn hekk, intqal ukoll kif wara numru ta’ diskussjonijiet li l-Aġenzija Identity Malta kellha mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabbiltà u mal-Foundation for Information Technology Accessibility, Identity Malta se tkun qed tagħmilha possibbli sabiex persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jużaw il-passaport tagħhom bl-aktar mod ħieles u indipedenti.
Waqt l-istess żjara f’Portals De La Rue, is-Segretarju Parlamentari inawgurat id-design studio l-ġdid tal-kumpanija fejn hija faħħret l-operat etiku ta’ Portals u l-impenn tagħha lejn l-ambjent.