Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li kien identifikat post f’Ħal Far biex isir ċentru loġistiku (logistics hub). Dan huwa post fejn l-attività kollha marbuta ma’ trasport, loġistika u distribuzzjoni ta’ merkanzija, kemm għal skop nazzjonali u anke internazzjonali issir minn operaturi diversi. Ħal Far huwa meqjus ideali peress li qrib il-Port Ħieles, li l-Prim Ministru indika li huwa diffiċli li jingħata iktar art . Dan il-hub li se jkun kbir minimu ta’ nofs miljun cubic metre u se jsir permezz ta’ ftehim mas-settur privat.
Dan tħabbar waqt konferenza bl-isem ‘Beyond this Economic Horizon’ organizzata minn EY Ltd f’pajjiżna. Il-Prim Ministru qal ukoll li sal-aħħar ta’ Settembru, il-Gern se jara li dawk li għandhom karta tal-identità Maltija jkunu jistgħu jibdew negozju online f’inqas minn ġimgħa. Stqarr li huwa diżappuntat bil-mod li bih il-burokrazija tbiegħed lin-nies milli jkollhom aċċess għall-finanzi.
Insista li l-suċċess ta’ pajjiżna mhux ġej b’kumbinazzjoni filwaqt li tkellem dwar il-Port Ħieles. Hawn qal li l-produttività trid titjieb, iżda l-port m’għandux jiddomina żżejjed fuq il-villaġġ ta’ Birżebbuga.
Ronald Attard, managing partner f’ EY Mata, sqtarr li l-ekonomija Maltija sejra tajjeb ħafna, frott ta’ deċiżjonijiet li ħa dan il-Gvern. Minkejja dan, qal li s-suċċess ma jiggarantix dak t’għada u sostna li għalhekk irridu naraw x’opportunitajiet hemm li jgħinu lill-ekonomija Maltija tkompli tikber.