Il-kobba fil-Partit Nazzjonalista kompliet titħabbel u s-sitwazzjoni qed tikkumplika ruħha iżjed.
Dan hekk kif filwaqt li fil-kumitat eżekuttiv tal-lejla se ssir pressjoni biex dawk li sfiduċjaw lill-Kap Adrian Delia jiġu murija l-bieb, tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u li issa huma wara Therese Comodini Cachia jridu jneħħu lil Delia minn Kap tal-partit.
Il-kelma qed tiġri li lil Delia jisfiduċjawh fil-Kunsill Ġenerali li jitlaqqa’ wara li jinġabru l-firem bħal ma sar is-sena l-oħra.
Iżda hawn hekk tqum problema hekk kif l-istatut tal-Partit Nazzjonalista, emendat u approvat ftit tal-jiem ilu jgħid b’mod ċar li mozzjoni simili ta’ sfiduċja fil-Kap, ma tiġix ikkunsidrata qabel jgħaddu sentejn.
Delia affaċċja vot ta’ fiduċja f’Lulju tas-sena l-oħra u li kien rebaħ iżda terz tal-Kunsill Ġenerali kienu qalu li ma jriduhx.
B’hekk minn dan il-vot ta’ sfiduċja f’Delia li ma rnexxiex għall-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, għaddha ħa tgħaddi sena.
Dan ifisser li filwaqt li kien hemm min huwa wara Comodini Cachia, li ra li l-affarijiet jista’ jġibhom żewġ u jtajjar lil Delia, issa intebaħ li skont l-istatut se jkollu jitqanna b’Delia, almenu għal sena oħra qabel ma jressaq vot ta’ sfiduċja fih fl-organu tal-Partit Nazzjonalista, il-Kunsill Ġenerali.