Wara l-laqgħa tal-grupp parlamentari tal-lum Simon Busuttil se jkun qiegħed jindirizza l-midja bil-grupp parlamentari warajh.
Fil-grupp parlamentari, Simon Busuttil, se jitkellem primarjament dwar il-kritika li saret fil-konfront tiegħu u kif il-Partit Nazzjonalista għandu jħejji għall-elezzjoni ġenerali li jmiss mingħajr problemi. Dan għaliex Busuttil qed iwebbel lid-deputati tiegħu li l-elezzjoni ġejja dalwaqt u saħansitra qal dan f’kummenti ma’ ONE NEWS ilbieraħ.
Minkejja dan fil-miftuħ qed jingħad li l-grupp parlamentari ssejjaħ biex jiddiskuti l-kwistjoni tal-visas mediċi u fuq hekk se jitkellem fil-konferenza tal-aħbarijiet. Xi ħaġa li s-soltu konferenza dwarha jagħmluha l-kelliema tas-suġġett. Konferma oħra, sostnew l-imkejjen tagħhna, li l-verità hi li Busuttil irid il-grupp parlamentari biex jagħti l-impressjoni ta’ grupp magħqud warajh anke jekk fil-Partit Nazzjonalista kulħadd jaf li dan mhux il-każ.
Fl-aħħar sigħat saret pressjoni kbira biex jieqfu l-kummenti pubbliċi, fuq facebook b’mod partikolari. Intqal biex min għandu xi ħaġa xi jgħid issa jgħidha lill-Kap fil-grupp parlamentari.
Dawk li fil-grupp mhumiex qed jirċievu telefonati biex huma wkoll jisktu b’Jean Pierre Debono, Deputat Segretarju Ġenerali, jkun fost dawk imqabbda biex issir din it-tip ta’ pressjoni. Pressjoni li ħalliet l-ewwel effett fuq Edwin Vassallo li spiċċa jiskuża ruħu.