Il-kollaborazzjoni bejn il-kumpaniji Paddy Power u Betfair sena ilu qed tfisser espansjoni kbira fl-uffiċċju tagħhom f’Malta.
F’Malta, il-kumpanija diġà rat tkabbir fin-numru ta’ impjegati tagħha fl-aħħar 12-il xahar. Dan hekk kif l-ammont tela’ minn 150 għal 304.
Bil-programm t’espansjoni se jfisser li fiż-żmien li ġej il-kumpanija tista’ ttella’ n-numru ta’ impjegati tagħha għal 600.
Paddy Power Betfair hija fost l-ikbar kumpaniji involuti fl-online gaming, u b’dan se tkun qed tmexxi parti kbira mill-operat tagħha lejn pajjiżna.
Bħalissa l-kumpanija għandha l-bibien tagħha miftuħa biex sa April timpjega 40 persuna oħra, bil-bqija tal-espansjoni tiddependi mill-andament tax-xogħol matul iż-żmien.
Minn naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat bi pjaċir innota dan it-tkabbir, li se jfisser iktar impjiegi ta’ kwalità għal ċittadini Maltin u barranin. Dn f’industrija li qed tikber, u li kontinwament qed tfittex ħaddiema mħarrġa għal dan ix-xogħol.