Fil-jiem li ġejjin se jkun konkluż il-proċess ta’ twaħħil ta’ żewġ speed cameras fi Triq il-Kosta, direzzjoni lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta.
Dan intqal fi stqarrija mill-Aġenzija tal-Infurzar Lokali, il-LESA.
Ġie spjegat li dawn iż-żewġ speed cameras saru fuq approvazzjoni ta’ Transport Malta u wara studju meħtieġ fil-kuntest ta’ bosta inkjesti Maġisterjali minħabba li seħħew bosta inċidenti.
Il-lokazzjoni ta’ dawn il-kameras se jkunu propju f’dawk il-postijiet li l-iktar saru inċidenti u bil-għan li dawn il-black spots jiġu indirizzati.
Iż-żewġ speed cameras se jikkumplimentaw dawk imwaħħlin diġà ftit tax-xhur ilu, direzzjoni lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta.
Fl-istqarrija ntqal li permezz tal-investiment fl-ispeed cameras, il-LESA u Transport Malta qed ikomplu jaħdmu flimkien biex jonqsu l-inċidenti fit-toroq Maltin.