Id-disa’ pjazez fil-Belt Valletta ġew iddikjarat bħala zoni pedonali.
Dan permezz ta’ avviż legali li daħal fis-seħħ il-ġimgħa li għaddiet, u li aġġorna u estenda ż-żoni pedonali sabiex jitgawdew mill-pubbliku.
Apparti l-pjazez, saru wkoll estensjonijiet ta’ xi toroq bħal Triq it-Teatru l-Qadim, li ukoll ġiet aċċessibbli għall-pubbliku.
Dawn il-bidliet saru sabiex il-Belt Kapitali tagħna tkompli tingħata aktar ħajja u l-pubbliku jkun jistgħa jgawdiha kemm bħala żona turistika, bħala żona ta’ divertiment u bħala żona residenzjali.
Ladarba l-Belt Kapitali ħadet il-ħajja, fl-avviż legali hemm emendi fil-ħinijiet tad-deliveries lil tal-ħwienet fil-Belt.
Għalhekk, il-ħinijiet ta’ waranofsinhar għad-deliveries se jsiru it-Tnejn u l-Ħamis mis-14:30 sal-16:30 biss. Filwaqt li fil-ħinijiet bikrin ta’ filgħodu se jibqa’ jkun hemm aċċess kuljum mis-seigħa ta’ figħodu sad-disgħa u nofs ta’ filgħodu.
Michael Cohen, minn Transport Malta, qal li dawn il-bidliet saru bi qbil mal-GRTU sabiex jinsab bilanċ bejn il-kummerċ u li l-Belt Kapitali tkompli titgawda. Huwa ddeskriva dan bħala “proġett wieħed li sar wara konsultazzjoni mal-GRTU, u fil-fatt, sodisfatt li qbilna man-negozji”.
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li l-gvern għamel dawn il-bidliet wara anki konsultazzjoni ma’ tal-ħwienet u r-residenti Beltin.
Min-naħa tiegħu is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li dan kollu qiegħed iwassal sabiex il -Belt Valletta tkompli tingħata l-ġieħ ta’ sit ta’ patrimonju dinji, kif fil-fatt jistħoqqilha.
Is-Segretarju Parlamentari Debattista qal li huwa kuntent ħafna li Malta se jkolla Belt Kapitali aktar sikura, li se titgawda mir-residenti u mit-turisti.