Il-Budget għas-sena d-dieħla jipprovdi wkoll għaż-żieda ta’ iżjed servizzi tas-saħħa. Notevoli, fost l-oħrajn, hija l-introduzzjoni ta’ Kliniċi tal-Onkoloġija fil-livell tal-kura primarja, l-introduzzjoni ta’ Ċentru tad-Dijabete fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi, l-introduzzjoni ta’ GU Clinics fil-komunità, kif ukoll Kliniċi għat-tobba tal-familja bl-appuntament fiċ-Ċentri tas-Saħħa. Tħabbar ukoll li s-sena d-dieħla se jiġu estiżi s-servizzi pprovduti mill-ART Clinic għal dawk li jixtiequ t-tieni wild, filwaqt li se jiġi offrut il-Pre-Implantation Genetic Testing skont ma jipprovdi l-protokoll tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Barra minn hekk, se jiġu ċċentralizzati s-servizzi li bħalissa qed jingħataw fis-CDAU u s-CYPS, bit-twaqqif ta’ ċentru state of the art ġdid u ewlieni sabiex is-servizz ikun ikkonsolidat u integrat skont il-ħtiġijiet tat-tfal.
Se jsiru investimenti fl-infrastruttura tad-Dipartiment tal-Inċidenti u l-Emerġenza u fid-Dipartiment tal-Medical Imaging, kif ukoll it-tielet Cardiac Catherisation Suite.
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, ħabbar ukoll li se jiġi introdott iċ-Ċentru Terapewtiku għal min għandu dijanjożi doppja ta’ nuqqas ta’ saħħa mentali u mġiba vizzjuża. Ser titnieda wkoll Akkademja għall-Irkupru u l-Benesseri sabiex dawk li jagħmlu użu mis-servizz, carers, u professjonisti jiksbu l-edukazzjoni meħtieġa dwar kif għandha titnaqqas l-istigma, jikber l-għarfien f’dan il-qasam, u jittieħdu l-aħjar inizjattivi preventivi.