Minn nhar it-Tnejn, mal-ftuħ tal-Parlament wara l-vaganzi tas-sajf, se jitressqu emendi ġodda fil-liġi bil-għan li, kif imwiegħed fl-aħħar jiem, ikunu protetti aktar l-uffiċjali pubbliċi waqt il-qadi ta’ dimirijiethom.
Dawn l-emendi se jistrieħu fuq tliet pilastri prinċipali f’kawżi ġudizzjarji relatati, fosthom li mhux se jibqa’ jkun hemm l-għażla li tingħata sentenza sospiża, waqt li se jiżdiedu l-pieni ta’ ħabs u anke fil-multi.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Parlament, il-Ministru responsabbli mill-Intern, Byron Camilleri, spjega kif il-liġi se tkun qed tiġi aġġornata, wara konsultazzjoni wiesgħa kemm mal-Pulizija u anke l-unjins li jirrappreżentaw lill-uffiċjali.
Meta l-offiża hi ta’ inġurja, theddid jew offiża fuq il-persuna, il-multa minima se tiżdied minn €800 għal €1,200. Il-multa massima se tiżdied minn €5,000 għal €7,500.
Sadanittant, meta l-attakk jew ir-reżistenza bi vjolenza jsir minn persuna jew minn żewġ persuni, il-piena ta’ priġunerija se tiżdied minn minimu ta’ sitt xhur għal minimu ta’ sena u minn massimu ta’ sentejn għal massimu ta’ erba’ snin, filwaqt li l-multa minima se tiżdied minn €4,000 għal €6,000 u dik massima se tiżdied minn €10,000 għal €15,000.
Meta l-attakk jew ir-reżistenza bi vjolenza ssir minn tliet persuni jew aktar, il-piena ta’ priġunerija se tiżdied minn minimu ta’ disa’ xhur għal minimu ta’ sena u nofs u minn massimu ta’ tliet snin għal massimu ta’ sitt snin, filwaqt li l-multa minima se tiżdied minn €5,000 għal €7,500 u dik massima se tiżdied minn €15,000 għal €22,500.
Meta fl-attakk jew ir-reżistenza tintuża arma, il-piena ta’ priġunerija se tiżdied minn minimu ta’ sena għal minimu ta’ sena u nofs u minn massimu ta’ erba’ snin għal massimu ta’ sitt snin, filwaqt li l-multa minima se tiżdied minn €8,000 għal €12,000 u dik massima minn €20,000 għal €30,000.
Minbarra hekk, meta dawn l-offiżi jinkludu vjolenza pubblika, il-piena ta’ priġunerija se tiżdied minn minimu ta’ sentejn għal minimu ta’ tliet snin u minn massimu ta’ ħames snin għal massimu ta’ seba’ snin, filwaqt li se nintroduċu wkoll il-multi, b’dik minima se tkun ta’ €10,000 u dik massima ta’ €25,000.
F’kumment ma’ ONE News, il-Ministru Byron Camilleri tenna li dawn l-emendi jibgħatu messaġġ ċar lis-soċjetà Maltija, li mhux aċċettabbli lanqas każ wieħed ta’ vjolenza fuq persuna, wisq inqas fuq uffiċjal pubbliku, waqt li qed jipprova jagħmel xogħlu.
“Is-soċjetà tagħna ma tirriflettix dak li ġara fil-Ħamrun. Fl-aħħar snin fil-verità naqsu l-inċidenti mhux żdiedu. Imma bħala Gvern nemmnu li, jekk imqar ikun hemm każ wieħed, jeħtieġ nibqgħu nibgħatu messaġġ b’saħħtu ta’ deterrent. U għalhekk mhux biss qed inħarrxu l-liġijiet tagħna fejn jidħlu anke l-pieni u l-multi, iżda tinqata’ wkoll il-possibbiltà kemm ta’ sentenza sospiża u anke ta’ conditional discharge. B’dan il-mod qed nagħtu messaġġ b’saħħtu ħafna li bħala soċjetà, mhux biss bħala Gvern, dawn l-affarijiet, vjolenza fuq Pulizija jew uffiċjali, ma nippermettuhomx.”