Permezz ta’ konsultazzjoni pubblika, il-Gvern se jkun qed iżid spazji miftuħa ta’ rikreazzjoni għall-familji Maltin u Għawdxin.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, fejn spjega li dan id-dokument ta’ diskussjoni se jkun ibbażat fuq l-ikkampjar, karavans, u anke picnics.
Dan id-dokument se jservi ta’ gwida fid-deċiżjonijiet u tinforma lill-Gvern fuq il-ħsibijiet tal-pubbliku fuq l-użu tal-art għal skopijiet ta’ rikreazzjoni.
Il-Ministru Farrugia qal: “Madwar ix-xhur li għaddew smajt il-karba tal-familji Maltin u Għawdxin għal aktar spazji miftuħa u ta’ rikreazzjoni. Kien għalhekk li ħarisna lejn il-local plans tal-2006, fejn identifikajna żoni li nistgħu ntuhom lura lill-Pubbliku u lill-familji biex joħolqu rwieħhom.”
F’Għar Lapsi, il-Ministru Farrugia qal li ż-żoni ta’ rikreazzjoni huma dawk li jagħtu l-ħajja lill-komunitajiet għaliex jipprovdu ambjent aħjar u jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
Saħaq li l-Gvern beda l-proċess ta’ rivoluzzjonar fl-ippjanar ta’ pajjiżna billi joħloq spazji aktar ħodor.
Għal dan il-pubbliku huwa mħeġġeġ li joħroġ b’ideat fuq x’faċilitajiet jistgħu jiżdiedu f’dawn iż-żoni li huma diġà msemmija fil-Pjanijiet Lokali.
“Qed naraw ukoll u nistiednu lis-sidien privati li l-artijiet tagħhom li jinsabu f’dawn iż-żoni naraw humiex interessati illi jgħadduhom u jiġu utilizzati biex b’hekk ikomplu jgawdu n-natura ta’ madwarna” saħaq il-Ministru Aaron Farrugia.
Il-pubbliku huwa mitlub li jifli d-dokument u jibgħat l-opinjonijiet tiegħu fuq outdoors@pa.org.mt sat-30 ta’ Marzu li ġej.