Wara għaxar snin mit-twaqqif tagħha, il-Ħamis wara nofshinar tħabbret riforma kruċjali li se tkun qed issaħħaħ l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali. Din l-Aġenzija tagħti assistenza legali lil dawk bi dħul baxx jew problemi soċjali u ma jkunux jistgħu jqabbdu avukat tal-għażla tagħhom biex ikun jista’ jiddefendihom quddiem il-qrati Maltin.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema ‘Ġustizzja Effiċjenti, Ġustizzja Aċċessibbli’, mill-Ministru responsabbli Jonathan Attard, li tenna kif dan ikompli juri li kulħadd għandu dritt għal aċċess ugwali quddiem il-ġustizzja.
Hawnhekk intqal kif, bħala medja, din l-aġenzija kull sena tittratta bejn 800 u 900 każ.
Mit-twaqqif tal-Aġenzija sas-sena li għaddiet, kienet provduta assistenza legali fi kważi 7,000 każ.
Bejn l-2015 u s-sena li għaddiet ġew provduti pariri legali u għajnuna legali f’aktar minn 2314 każ ċivili. Mill-2017 l-aġenzija kienet involuta fuq aktar minn 3751 każ kriminali.
Dan apparti l-assistenza lill-vittmi ta’ kriminalità u anke l-vittmi ta’ vjolenza domestika.
Id-Direttur tal-aġenzija, Bruno Zahra, qalilna kif permezz tat-tisħiħ imħabbar, fejn qabel kellek grupp wieħed ta’ avukati li jrid jagħmel kollox, issa dawk se jkunu imqassmin għal ċirkostanzi differenti.
“Issa se jkun hemm diversi panels bi speċjalizzazzjonijiet, skont il-panel li jkun. Hemm panel apposta għall-Qorti Kriminali, panel apposta għaċ-Ċivil, żewġ panels għall-vittmi, wieħed biex jirrappreżentaw lill-vittmi fil-qrati u l-oħra biex jagħtuhom il-parir, imbagħad hemm il-panels tal-Prokuratur Legali.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, saħaq kif din ir-riforma, u miżuri oħrajn, ikomplu juru l-impenn tal-Gvern favur is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
“Irridu nassiguraw li dik is-saltna tad-dritt, li qed tkompli tissaħħaħ b’liġijiet li qed ikomplu jiġu riformati u emendati biex jirriflettu s-soċjetà tal-lum, ikun hemm ukoll aċċess għall-ġustizzja. U dan li qed nassiguraw b’din ir-riforma billi żidna l-professjonisti legali f’din l-aġenzija u nassiguraw li kull min għandu bżonn ikollu aċċess għall-ġustizzja għal raġuni jew oħra dan isib lill-istat, permezz ta’ din l-aġenzija li jkun ta’ spalla għalih.”
Fl-istess konferenza saret iċ-ċerimonja tal-ħatriet tal-avukati u prokuraturi legali li se jkunu qed jaħdmu fl-Aġenzija għall-Għajnuna Legali.