It-tlajjar marbut mal-prostituzzjoni mhux mistenni jibqa’ reat kriminali u għalhekk persuna li tagħmel dan l-att flok tmur il-ħabs se tibda tingħata l-għajnuna neċċessarja u ssib xogħol dinjituż.
Dan intqal waqt it-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tat-traffikar tal-bnedmin u l-prostituzzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-riformi Julia Farrugia Portelli qalet li l-vittmi tal-prostituzzjoni jeħtieġilhom jibdew ħajja mill-ġdid u għalhekk ma nistgħux nittrattawhom bħala kriminali.
Hija stqarret b“Fosthom jew pereżempju prostitut/prostituta għandux jibqa’ jispiċċa l-ħabs kif aħna qed nagħmlu sal-lum.”
Il-Gvern qed jipproponi li titnaddaf il-fedina penali jew il-kondotta tal-vittmi tal-prostituzzjoni.
Dan filwaqt li semmiet l-għajnuna professjonali li trid tingħata lil dawk li kienu jitħaddmu filwaqt li l-id iebsa trid tkun ma’ min jisfruttahom.
Dwar dan fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin diġà qed isir programm biex dawn in-nies meta jirritornaw fis-soċjetà ma jerġgħux jaqgħu f’xibka meqjusa perikoluża.
B’ton skjett is-Segretarju Parlamentari semmiet il-Gentlemen’s Clubs u qalet kif il-Gvern mhux se jittollera mekkaniżmi li bihom kienu qed joperaw dawn il-clubs.
Hija semmiet ukoll l-istabbilimenti li joffru l-massaġġi.
“Protezzjoni wkoll tmur lejn min jaħdem b’sens ġenwin li huwa kwalifikat biex jaħdem ta’ masseur pereżempju. Għandek sitwazzjoni fejn in-nies illi qed jaqilgħu l-ħobża tagħhom kif suppost, b’mod diċenti, qed jispiċċaw żvantaġġjati jew huma stess vittmi għaliex imorru nies li jitolbuhom servizzi sesswali meta huma mhux qed joffru dan.” sostniet Farrugia Portelli.
Fl-istess konferenza Farrugia Portelli ddedikat ħin dwar it-traffikar tal-bniedem.
Qalet li għall-ewwel darba pajjiżna mistenni jkollu strateġija kontra t-traffikar tal-bnedmin hekk kif din ir-riforma pjanata għandha l-għan li toffri ħarsien lill-persuni vulnerabbli minn diversi forom ta’ sfruttament.
“B’din l-istrateġija pajjiżna ma jridx biss jiġġieled din il-kriminalità iżda jkun preventiv”, saħqet Farrugia Portelli.
Saħqet kif irid ikun hemm kampanji edukattivi sabiex nipprevenu t-traffikar tal-bnedmin.
Qalet li jrid ikun hemm għajnuna statutorja u jitwessa’ l-kumpens li jieħdu l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.
Din il-konsultazzjoni hija miftuħa sal-aħħar t’Ottubru u l-pubbliku huwa mħeġġeġ iressaq il-fehmiet u l-proposti tiegħu billi jidħol fuq reforms.gov.mt jew jibgħat ittra fl-uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi f’Kastilja.