Qed jitwettqu żewġ miżuri soċjali oħra mill-Baġit 2025 – bl-ewwel miżura tolqot lill-pensjonanti li jirċievu xi forma ta’ Assistenza għal Diżabilità jew Pensjoni għal Korriment fuq ix-Xogħol u twaqqfitilhom minħabba l-pensjoni.
Bis-saħħa ta’ wegħda elettorali u l-baġit għal din is-sena, dawn se jibdew jirċievu pensjoni kontributorja, u se jibqgħu jirċievu parti mill-ħlas li kienu jirċievu qabel.
Minn din il-miżura se jibbenefikaw total ta’ 467 persuna li llum jirċievu pensjoni kontributorja u qabel dan kienu jirċievu xi forma ta’ assistenza.
Dawn il-benefiċjarji fil-biċċa l-kbira tal-każi se jirċievu żidiet fil-pensjoni li jvarjaw minn €1.14 sa €13.29 fil-ġimgħa, b’effett mill-4 ta’ Jannar li għadda. F’xi każi oħra se jkunu qed jitħallsu żidiet ogħla hekk kif il-pensjoni tagħhom se tiżdied sal-livell tal-Paga Minima Nazzjonali, sħiħa jew pro-rata.
Miżura oħra soċjali li qed titwettaq mill-Baġit hi dik li tolqot lil dawk il-kapijiet ta’ familja li qegħdin fuq l-Għajnuna Soċjali minħabba li ma jistgħux jaħdmu u dan għaliex għandhom kundizzjoni medika serja.
Dawn issa jistgħu japplikaw permezz ta’ applikazzjoni ġdida li tħejjiet u bi proċess ġdid li qed jitnieda din il-ġimgħa.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon tenna li fl-aħħar snin il-politika soċjali tal-Gvern immirat li mhux biss tgħin lil ħafna, bħal fil-każ tal-pensjonanti u familji bit-tfal, imma wkoll lil gruppi żgħar ta’ nies bħal dawn li se jintlaqtu b’dawn il-miżuri l-ġodda.