Malta se twettaq ħdax-il proġett taħt it-tielet sejħa tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, li huwa programm tal-Unjoni Ewropea.
Dan tħabbar mill-Ministeru responsabbli mill-Fondi Ewropej, li qal li minn dan il-programm pajjiżna se jingħata għajnuna sabiex jimplimenta proġetti relatati mar-riformi fl-istrateġija politika u mal-amministrazzjoni pubblika.
Dawn jinkludu tmien proġetti li se jitwettqu direttament mill-gvern Malti u tliet proġetti li se jitwettqu bi sħubija bejn l-awtoritajiet Maltin u Stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea biex jindirizzaw prijoritajiet u bżonnijiet komuni.
Fost il-proġetti approvati hemm it-tisħiħ tal-konformità tat-taxxa; l-iżvilupp ta’ strateġija nazzjonali għal akwakultura sostenibbli; u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni ta’ riorganizzazzjoni tas-settur ġudizzjarju.
Dan il-programm tal-Unjoni Ewropea jipprovdi għarfien espert tekniku mfassal apposta għall-Istati membri biex ifasslu u jimplimentaw ir-riformi, anki dawk li jtaffu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija.
Il-Ministru responsabbli mill-Fondi Ewropej, Silvio Schembri, qal li l-fondi Ewropej qed jgħinu lil pajjiżna b’mod finanzjarju fuq għadd ta’ proġetti umanitarji, infrastrutturali, soċjali, u ekonomiċi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej ,Chris Bonett, irrefera għall-impenn tal-Gvern li jwettaq dawn il-proġetti bil-għan li tissaħħaħ l-amministrazzjoni pubblika, fost l-oħrajn. Qal li dan jgħin lil pajjiżna jinvesti sabiex is-servizzi pubbliċi jkunu ta’ kwalità aħjar u biex it-tkabbir ekonomiku jkun sostenibbli.