Fl-Isla se jkun qed jitwaqqaf ċentru tal-anzjanità attiva, li se joffri diversi opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja, taħditiet edukattivi u attivitajiet oħra għall-anzjani, f’din il-lokalità. Dan wara li ġie ffirmat ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Kunsill Lokali rispettiv.
Iċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Isla se jkun qed jopera minn sala li bħalissa qed tiġi rinnovata wara li għaddiet f’idejn il-Kunsill. Dan iċ-ċentru se jkun immexxi minn ħaddiema tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, b’kollaborazzjoni mal-istess Kunsill.
Il-programm ta’ attivitajiet, li se jiġi mfassal speċifikament għal dan iċ-ċentru, hu mmirat biex l-anzjani jkomplu jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja, ikollhom tagħrif dwar is-saħħa fiżika u mentali tagħhom, waqt li jkomplu bl-interazzjoni soċjali.
B’dan iċ-ċentru fl-Isla, in-numru ta’ ċentri tal-anzjanità attiva se jitla’ għal 32 u, b’kollox, f’dawn iċ-ċentri jattendu madwar 2,050 membru.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Renzo Degabriele u s-Sindku Clive Pulis, flimkien ma’ membri tal-Kunsill kienu preżenti għall-iffirmar fil-Ġnien tal-Gardjola fl-Isla.
Agius Galea esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar dan il-ftehim u qal li din l-inizjattiva tirrifletti d-dedikazzjoni tal-Gvern biex itejjeb l-ħajja ta’ kuljum għall-anzjani.
Min-naħa tagħha, Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-Kunsill tal-Isla biex isostni l-anzjanità attiva fi ħdanu.