B’investiment ta’ madwar €600,000 se jkun qed jiġi riġenerat u restawrat il-pont magħruf bħala Gomorino, bejn l-Imdina u l-Imtarfa.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħodu fuq il-post.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Borg spjega li dan il-pont kien tlesta’ fl-1900 bħala parti mill-estensjoni għal-linji tal-ferrovija, madankollu llum dan ġarrab numru ta’ ħsarat kawża taż-żmien li għadda minn fuqu.
Għalhekk il-Ministru Borg spjega x-xogħlijiet li ser ikunu qed isiru fuq dan il-pont, li se jieħdu madwar sitt xhur u li se jsiru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Qal, “Ser ikun qiegħed jinqala’, ser tknu qed tingħata sodda ġdida tal-konkrit imbagħad wiċċ tal-asfalt fuqu imma l-iktar li tinteressa imbagħad lin-nies, il-bankina ġdida, dwal ġodda u anke railings ta’ sigurtà u allura se jkunu n-nies jistgħu jagħmlu użu minnu b’mod sigur kif ukoll inkompu nsebbħu u nirriġeneraw din iż-żona tant imfittxija tal-pajjiż.”
Ix-xogħlijiet jinkludu wkoll it-tneħħija tal-ispeċi aljeni invażivi fil-madwar u se jsir żbir korrettiv ta’ siġar eżistenti u żbir t’arbuxelli. Dan filwaqt li ser jitħawlu siġar indiġeni fl-istess akwati.
Intant il-Ministru Borg spjega wkoll kif dan il-proġett se jkun qed jikkumplimenta oħrajn bħal dak ta’ Triq Għeriexem li issa jinsab lest.
Spjega, “Fil-madwar issa lestejna l-proġett ta’ Triq Għeriexem kif ukoll sar upgrade fil-bypass tal-Imtarfa. Din tfisser li issa nħolqot Ring Road, korsija kontinwa fejn in-nies jistgħu jimxu, jistgħu jirrikrejaw ruħhomu għaldaqstant mhuwiex biss proġett infrastrutturali imma huwa proġett li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.”
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi Stephen Bonello tenna li l-istess Dipartiment huwa responsabbli għal proġetti minn żgħar sa dawk nazzjonali bħalma hu il-Park Nazzjonali.
Dwar il-proġett bejn l-Imdina u l-Imtarfa huwa spjega li jirrikjedi ħidma li ssir bl-akbar reqqa u attenzjoni sabiex inwasslu l-pont fl-aqwa sigurtà u stat possibli.