Bħala parti mill-inizjattivi biex ifakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tiegħu, il-Bank of Valletta qed jorganizza numru ta’ kunċerti mużikali f’diversi siti fejn il-Bank kien involut matul is-snin fir-restawr ta’ xogħlijiet tal-arti misjuba fl-istess siti.
Kwartett tal-kordi ffurmat minn mużiċisti mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jkun qed jinterpreta mużika ta’ kompożituri Maltin u barranin.
L-ewwel kunċert se jittella’ nhar l-Erbgħa, 8 ta’ Mejju, fis-19.00 fil-Bażilika ta’ Sidna Marija ta’ Porto Salvo u San Duminku fil-Belt Valletta b’mużika ta’ Mro Charles Camilleri, Mro Joseph Vella u W.A.Mozart rispettivament. Se ssir ukoll taħdita qasira minn Agatha Grima Conservators li kienu responsabbli mix-xogħlijiet ta’ restawr.
Meta tkellem dwar din l-inizjattiva, Charles Azzopardi, Kap tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal-Bank, sostna li “l-Bank of Valletta kellu rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-iżvilupp sostenibbli ta’ Malta billi kien responsabbli u jieħu ħsieb il-komunitajiet li jopera fihom. Il-Programm Komunitarju estensiv tiegħu jdur madwar ħames pilastri ewlenin li jiffokaw fuq is-Sostenibbiltà Ambjentali, tar-Riżorsi u l-Klima, l-Edukazzjoni u l-Litteriżmu Finanzjarju, il-Membri Vulnerabbli tas-Soċjetà, il-Wirt Kulturali u l-Kapitali Ambjentali tal-Gżejjer Maltin u l-Imġieba Etika u Responsabbli.”
“Dawn il-kunċerti se jpoġġu fuq quddiem ix-xogħlijiet appoġġjati mill-BOV biex jippreservaw għall-ġenerazzjonijiet futuri l-ġid li għandna fil-wirt kulturali tagħna, kif ukoll l-assoċjazzjoni fit-tul tal-Bank mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Dawn il-kunċerti huma bla ħlas u, għaldaqstant, nistiednu lill-pubbliku jattendi biex jammira x-xogħlijiet ta’ restawr u japprezza l-mużika mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta” temm Azzopardi.
Kunċerti oħra qed jiġu ppjanati fil-futur qrib, tant li t-tieni wieħed se jittella’ nhar l-20 ta’ Mejju fil-Knisja ta’ Santa Liberata fil-Kalkara. Il-kunċerti huma bla ħlas u l-postijiet se jkunu fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel.