Il-festival tan-nar tal-ajru ser jittella’ fuq erbat ijiem f’erba’ lokalitjiet straordinarji.
L-ismewwiet li jħarsu lejn il-gżejjer Maltin ser ikunu miżgħuda bil-kuluri f’Settembru li ġej bl-arti tan-nar tal-ajru.
Dan il-festival ser jibda fl-4 ta’ Settembru f’Għawdex, imbagħad ser jimxi lejn l-Imqabba fid-9 ta’ Settembru.
Il-Mellieħa ser tilqa’ dan l-ispettaklu fil-11 ta’ Settembru u ser jilħaq il-qofol tiegħu fil-Port il-Kbir nhar l-20 ta’ Settembru.
L-ispettaklu ser jittella’ grazzi għal 29 fabbrika tan-nar u 45 assoċċjazzjoni tan-nar f’Malta u Għawdex.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Johann Buttigieg stqarr li s-saħħa u s-sigurtà tan-nies hija ta’ importanza massima u saħansitra ħeġġeġ in-nies biex ma jingħaqdux qaqoċċa. Minflok għandhom ifittxu żoni differenti iżda vantaġġjużi biex ikunu jistgħu jgawdu l-ispettaklu.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li din l-attività hija aħbar mill-isbaħ u awgura lil kull min se jagħti daqqa t’id biex jittella’ l-ispettaklu.