Edward Mifsud iħabbar it-tnedija tal-kompożizzjoni ġdida tiegħu, ‘Serquli’, kanzunetta bbażata fuq poeżija ta’ Ġorġ Peresso bl-istess titlu, u interpretata minn Dorothy Bezzina u Chris Grech, b’akkumpanjament ta’ pjanu u trio tal-korda. ‘Serquli’ tifforma parti mix-xogħol li jġib it-titlu ta’ Raġġ, li ser jigi mniedi waqt il-kunċert ‘Feel the Magic of Orchestral Progressive Rock’ nhar is-Sibt 18 ta’ Mejju 2024 fit-Teatru Astra, Għawdex.
Raġġ huwa xogħol orkestrali spirat mill-istil progressive rock, li oriġina fl-Ingilterra fil-bidu tas-snin 70, b’lirika misluta minn poeżiji Maltin mill-istess era, b’mod speċifiku, xogħlijiet ta’ Oliver Friggieri, Marjanu Vella, Ġorġ Peresso, Achille Mizzi, Joe Friggieri, u Ġorġ Borg. Raġġ jesplora d-dualiżmi tat-tama u l-qtugħ ta’ qalb, tas-segretezza u l-onestà, tal-individwaliżmu u s-sens ta’ komunita, taż-żgħożija u x-xjuħija, u tal-ħajja u l-mewt, li kollha jaqgħu taħt it-tema prinċipali tad-dawl u d-dlam.
Il-programm ser jinkludi wkoll siltiet mill-gruppi prominenti fl-istil progressive rock ELP, Yes, King Crimson, u Genesis, arranġati u orkestrati minn Edward Mifsud fl-istess stil ta’ Raġġ.
‘Feel the Magic of Orchestral Progressive Rock’ jifforma parti mis-sensiela ‘Feel the Magic’ ta’ Chorus Urbanus Productions, u ser jinvolvi l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt it-tmexxija ta’ Dr Mro John Galea, kif ukoll lil Dorothy Bezzina u Chris Grech bħala mistiedna speċjali. Il-biljetti huma disponibbli onlajn mis-sit teatruastra.org.mt.
Dan il-proġett huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti, mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali, mill-Melita Foundation, mill-APS, u mit-Teatru Astra.