L-APS Summer Festival, li se jsir fl-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq, se jkun mifrux fuq tnax -il jum. Il-Festival se jagħti spazju lill-artisti kemm Maltin kif ukoll internazzjonali sabiex ipaxxu l-għajn u l-widna tal-pubbliku.
Fost dawk li se jieħdu sehem f’dan il-festival hemm The New Victorians, Kantera, kif ukoll l-Orkestra Filarmonika.
Annalisa Schembri, li hija d-Direttur Artistiku ta’ dan il-Festival, spjegat kif dawn il-jiem se jkunu festa ta’ inklussività, b’attivitajiet adattati saħansitra għal ċkejknin ta’ età żgħira ħafna.
Schembri qaltilna, “Hemm xi ħaġa għal kulħadd, għal kulħadd fuq livell ta’ tfal u anki tfal b’sensory-friendly needs. Allura l-kontenut tat-tfal fil-ħamsa u għoxrin ta’ Lulju huwa kontenut speċifikament għat-tfal u anke kontenut għal etajiet li forsi huma daqsxejn ikbar.”
Din hija t-tielet sena konsekuttiva li matulha se jsir dan l-avveniment, li ra l-konċepiment tiegħu fis-sena meta proprju faqqgħet il-pandemija u ħafna avvenimenti kellhom jiġu posposti.
Hi qalet, “Il-bank ħass il-bżonn illi ’l-artisti u l-ekosistema kollha tal-arti kreattiva jagħtihom spazju fejn jistgħu jaħdmu. U minn hemm, imbagħad, il-bank induna li hemm bżonn li dan il-festival jibqa’ għaddej.”
Id-Direttur Artistiku tat dettalji dwar kif il-pubbliku jista’ jakkwista l-biljetti għal dan l-avveniment.
Schembri spjegat, “Il-festival huwa miftuħ għal tnax-il ġurnata sħiħa, mill-għoxrin ta’ Lulju sal-wieħed u tletin ta’ Lulju. Kuljum hemm kontenut varjat, kuljum hemm kontenut differenti u allura dak li ma tilħaqx f’ġurnata ma tistax terġa’ tarah il-ġurnata ta’ wara. Il-biljetti huma aċċessibbli online, huma aċċessibbli fuq ticketline.com.mt.”
Ananlisa Schembri qalet li s’issa diġa’ kien hemm interess kbir għad-diversi attivitajiet li se jsawru dan il-festival.
Hi temmet tgħid, “Dan mhuwiex festival kbir, jiġifieri aħna konxjament inżommu l-festival bl-idea ta’ boutique festival, għax nixtiequ illi kull min jiġi u kull min jattendi jieħu l-esperjenza one-to-one fuq dak il-livell.”