Fit-tliet mija u ħamsin anniversarju minn meta San Gejtanu, se jkun qiegħed jittella’ dramm ibbażat fuq l-istorja tal-istess Qaddis u l-istatwa titulari tiegħu fil-Ħamrun.
ONE News żar it-teatru tal-Istitut Kattoliku fil-Furjana fejn se jintwera dan id-dramm, fejn bosta artisti kienu qed jagħmlu l-aħħar preparamenti b’entużjażmu wara xi żmien wieqfin.
Id-Direttriċi Tanya Agius Borg spjegat l-istorja wara dan id-dramm: “Bażikament se nkunu qed inwasslu l-istorja ta’ San Gejtanu minn tfulitu, sakemm sar żgħażugħ u għamel l-ordni tat-Teatini u sakemm eventwalment miet, kif ukoll qed inwasslu l-ġrajja ta’ kif l-istatwa ta’ San Gejtanu, bil-forma tagħha, saret l-istatwa titulari tal-Ħamrun. Jiġifieri bażikament se nkunu qed naraw żewġ postijiet paralleli, il-Ħamrun, u Napli, fejn qed naraw żewġ ġrajjiet għaddejjin ta’ żewġ popli, dak Naplitan u l-poplu Ħamruniż.”
L-Attur Mark Tonna sostna li jinsab ħerqan sabiex jintwera dan id-dramm: “Mela l-karattru tiegħu f’dan id-dramm huwa Giovanni l-cantastorie. F’dawk iż-żminijiet ta’ San Gejtanu kien hemm ħafna nies li kienu jgħidulhom canta storie, peres li l-pubbliku ma kienx daqshekk litterat u ma kienx jaqra aħbarjiet, kien hemm nies bħall-karattru li qed ninterpreta jien li jduru t-toroq u l-pjazez u bil-kant tagħhom kienu jgħidu l-aħbarijiet tal-ġurnata.”
Ma’ ONE News Tonna qal li flimkien ma’ kull min hu involut f’din il-produzzjoni, l-entużjażmu biex juru l-arti tagħhom huwa wieħed b’saħħtu, hekk kif dawn l-artisti fl-aħħar qegħdin lura fejn huma kuntenti.
Tonna sostna: “Bi pjaċir ngħid li naħseb li kulħadd kien qiegħed f’hibernation kif jgħidu dawn li jistudjaw in-natura, u vera hekk konna. Qisu kulħadd ħareġ mill-qoxra u kulħadd qiegħed b’entużjażmu kbir biex jagħmel dil-biċċa xogħol.”
Id-dramm se jittella’ fid-disgħa u l-għaxra t’Ottubru fit-teatru tal-Istitut Kattoliku.