Għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa, id-drammi u l-produzzjonijiet tradizzjonali jkunu fl-aqwa tagħhom. Però, għaxar snin ilu, ittella’ l-kunċett ta’ dramm tal-passjoni kontemporanju b’temi reali li jolqtu b’mod dirett ħajjet in-nies.
L-ewwel produzzjoni saret proprju fi Triq id-Dejqa, il-Belt, jew Strada Stretta kif inhi magħrufa, u l-bar ‘Splendid’. Din kienet iġġib l-isem ta’ ‘Kristu fi Strada Stretta’ u fl-anniversarju ta’ dan is-suċċess, fil-ġimgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa li tibda mill-11 ta’ April, Kristu se jerġa’ jirritorna fi Strada Stretta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-post fejn se jkun qed isir dan id-dramm, intqal li dan diġà sar erbatax-il darba, mhux waqt il-Ġimgħa l-Kbira biss, fi Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta.
ONE News tkellem mal-attur u produttur tad-dramm, Carlos Farrugia, li spjega li dan hu marbut ma’ żewġt irġiel ġo bar fi Strada Stretta li jgħaddu minn diversi sfidi f’ħajjithom. Dan minbarra arti performattiva spettakolari.
“Il-produzzjoni se tibda minn hawn mit-triq fi Strada Stretta fejn se jkollna mużiċisti live, żeffiena, atturi. Imbagħad titla’ fuq u l-produzzjoni titkompla f’dan il-bar ta’ Strada Stretta fejn fiha ħa jkun hemm ċerti temi, temi interessanti, temi li ssibhom fl-istorja tal-Vanġelu, imma temi li ovvjament huma kontemporanji. Eżempju l-għira kienet, għadha u tibqa’, għandek it-tradiment, kien, għadu u jibqa’. Għandek it-tbatija, dik il-passjoni, l-uġigħ u f’din is-siegħa, siegħa u kwart ħa mmissu dan kollu.”
Carlos Farrugia, Attur
Sadanittant, b’differenza għal dak li normalment naraw f’dawn id-drammi, din il-produzzjoni se jkollha wkoll ir-rwol tal-mara ppreżentata mill-attriċi Sarah Camilleri.
“Hi l-istorja ta’ persuna, barmaid, li kienet showgirl hawnhekk u taħdem fil-bar. U permezz ta’ simboliżmu u konnotazzjonijiet anke mal-istorja fil-Bibbja, naraw il-back story ta’ din il-persuna minn xiex għaddiet u kif spiċċat taħdem hawnhekk. Hemm iż-żfin inkluż ukoll, li qed jissimbolizza ħafna affarijiet u hemm anke t-teatru fiżiku.”
Sarah Camilleri, Attriċi
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, u Luke Dalli mill-Kunsill Malti għall-Arti.
