Iżrael qal li dalgħodu kompla bl-offensiva tiegħu f’Gaza wara li qalu kif il-Hamas mhux se jkunu qed jonoraw il-ftehim ta’ bejniethom illum.
Il-waqfien mill-ġlied ta’ erba’ t’ijiem sabiex anke jiġu meħlusa l-ostaġġi Iżraeljani, kellu jibda minn dalgħodu, iżda l-Gvern Iżraeljan qal li dan se jsir il-Ġimgħa filgħodu minflok.
Il-Qatar, li għen biex seta’ jiġi ssiġġilat dan il-ftehim, qal kif il-ħin ġdid se jiġi jitħabbar illum stess.
Fl-ewwel fażi, il-Hamas se jkun qed jeħles 50 ostaġġ minn Gaza, dan filwaqt li Iżrael se jeħles 150 Palestinjan li ġie arrestat.
Il-Ħamis filgħodu, il-midja internazzjonali rrappurtat ukoll kif fl-aħħar sigħat Iżrael wettqet 300 attakk mill-ajru fuq infrastruttura prominenti għall-Hamas, inkluż postijiet fjen iżommu l-armamenti.
Mindu beda l-kunflitt bejn il-Lhud u l-Palestinjani inqatlu aktar minn 14,000 persuna f’Gaza biss.
Ritratt: Mahmud Hams/AFP – Getty Images