Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, żar ix-xogħol ta’ rikostruzzjoni li qed isir fuq it-Triq ta’ Wara s-Sur, fir-Rabat Għawdex, li issa ngħaqdet ma’ Triq l-Imgħallem permezz ta’ junction ġdida.
Ix-xogħlijiet mexjin ġmielhom, biex wara li tlestiet l-ewwel parti residenzjali, ix-xogħol issa hu ffokat fuq it-tieni u l-aħħar fażi tal-proġett, li, ġaladarba jitlesta, se jtaffi t-traffiku miċ-ċentru tar-Rabat b’mod konsiderevoli.
Dan filwaqt li se tiġi eliminata darba għal dejjem bottleneck li kienet toħloq inkonvenjent għas-sewwieqa.
Il-Ministru qal li din kienet waħda minn diversi deċiżjonijiet importanti li kellhom jittieħdu biex tiġi indirizzata l-isfida tat-traffiku fil-Belt Victoria.
Qal, “Hawnhekk kellna issue, kellna problema fejn għandna bottleneck eżistenti u, permezz tat-triq il-ġdida li qegħdin niftħu u din il-junction iddisinjata mill-ġdid, se nkunu qed neliminaw darba għal dejjem din il-bottleneck li kienet twaħħal partijiet mir-Rabat bit-traffiku. Dan ikompli mal-pjani oħrajn li għandna u li bdejna wkoll inkluż dik ta’ Ġorġ Pisani fejn fit-triq il-ġdida se nkunu qegħdin nagħtu bypass ġdida biex dawk kollha li jkunu sejrin Marsalforn, ma jkollhomx bżonn jgħaddu miċ-ċentru tar-Rabat.”
Il-Ministru tenna l-impenn tiegħu biex ikomplu jsiru proġetti ta’ bini ta’ toroq u infrastruttura fil-gżira Għawdxija.