One.com.mt hu infurmat li għada mistennija jitressqu l-Qorti erba’ persuni b’rabta mat-tiġrif ta’ dar fil-Ħamrun li fiha tilfet ħajjitha l-omm, Miriam Pace.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija qalu ma’ ONE News li għada waranofsinhar il-pulizija se tressaq taħt arrest il-Qorti erba’ persuni biex jiffaċċjaw diversi akkużi fosthom qtil involontarju.
Huma se jitressqu l-Qorti wara li l-Maġistrat Clare Stafrace Zammit ikkonkludiet l-inkjesta u ddentifikat il-persuni li ghandhom jittieħdu passi kontrihom.
B’rabta ma’ dan il-każ li l-omm ta’ 54 sena mietet mirduma, fost oħrajn kienu ġew arrestati l-perit u l-kuntrattur fuq proġett li kien qed isir biswit id-dar u dawn kienu fuq il-police bail.
B’rabta ma’ dan il-każ, xahar ilu, il-Prim Ministru kien ħatar kumitat biex jeżamina u janalizza l-qafas regolatorju fis-settur tal-kostruzzjoni.
Dan il-kumitat jinsab immexxi mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano.