Għal ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar il-pulizija se tkun qed tressaq Taljan b’rabta ma’ organizazzjoni kriminali ta’ traffikar ta’ droga.
It-Taljan se jitressaq quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri.
Ilbieraħ il-pulizija Maltija qalet li Taljan ta’ 39 sena ġie arrestat għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar.
Hu ġie arrestat mill-Pulizija tat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali.
Dan wara li fl-aħħar jiem il-Pulizija kienet involuta f’operazzjoni ta’ sorveljanza fuq Taljan, wara li l-investigazzjonijiet wasslu biex ikun identifikat li r-raġel qiegħed jgħix Malta.
Din l-operazzjoni saret bil-kollaborazzjoni mal-Pulizija Taljana, hekk kif l-arrest sar fl-istess waqt li f’Sirakuża kienet qiegħda ssir operazzjoni mill-Carabinieri fejn ġew arrestati wieħed u tletin persuna b’rabta ma’ traffikar tad-droga li allegatament kien qiegħed iħalli qligħ ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro kuljum lil din l-organizzazzjoni kriminali.