Ryan Sultana ta’ erbgħa u għoxrin sena inżamm taħt arrest wara li wieġeb mhux ħati li spara u weġġa’ b’mod gravi lil raġel ieħor fl-Iklin, ilbieraħ waranofsinhar.
L-allegat vittma ta’ din l-isparatura huwa Vincent Xuereb, li huwa magħruf mal-Pulizija fuq każijiet relatati ma’ frodi u mhux l-ewwel darba li deher quddiem il-Qorti.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija daħlitilhom rapport ta’ ħabta lbieraħ waranofsinhar bejn żewġ karozzi. Intqal li din il-ħabta wasslet għal argument li eskala, fejn l-imputat allegatament ġera wara Xuereb u spara fuqu tliet darbiet.
Il-Prosekuzzjoni stqarret li meta l-Pulizija marret fuq il-post, rat lil Xuereb mal-art, u lill-akkużat fuq il-post, hekk kif dan jgħix viċin ferm ta’ fejn allegatament seħħ ir-reat. Intqal kif Sultana qal li kien hu li spara fuq Xuereb u li għamel dan b’arma tan-nar tiegħu stess.
Rapporti fil-midja qalu li Xuereb kien iffroda lil Sultana mas-sebat elef ewro, u meta Sultana rah isuq fit-triq, ħabat fil-karozza tal-allegat vittma apposta u kkonfrontah.
Xuereb daħal l-Isptar Mater Dei ilbieraħ stess meta kien fil-periklu tal-mewt, iżda issa jinsab f’qagħda stabbli.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni. Dan minħabba biżà ta’ intralċ tal-provi u minħabba biża li l-allegat vittma jista jipprova jpattiha lill-imputat.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li hemm storja twila bejn l-imputat u l-vittma, u teżisti wkoll biża li dawn jiftehmu bejniethom sabiex jixhdu b’mod konvinjenti għat-tnejn li huma.