Dejan Zivanov ta’ 29 sena mis-Serbja u li joqgħod il-Qawra, inżamm arrestat wara li ġie akkuzat li darab gravi lil żagħżugġ Pollakk li s-Sibt li għadda kien qiegħed jiddeverti f’Paceville.
Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt fi Triq San Ġorġ Paceville.
Filmat li xxandar fuq Television Malta, wera lill-akkużat jagħti xebgħa kbira liż-żagħżugħ Pollakk Maciej Zyluk.
Fil-filmat iż-żagħżugħ jidher bil-mobile f’idu jieħu filmati jew ritratti ta’ stabbilimenti tad-divertiment fid-direzzjoni tal-akkużat.
F’ħin bla waqt, wieħed mill-bouncers ħareġ minn Havanna u deher jiġri fid-direzzjoni tal-vittma. Hawnhekk tajjarlu l-mobile minn idu u beda jagħtih bl-addoċċ. Miegħu ngħaqdu 4 oħra li komplew jagħtuh bis-sieq.
Iż-żagħżugħ ittieħed l-isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi. Madankollu, TVM irraporta li l-pollakk ħareġ mill-isptar.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan wasslu għall-arrest ta’ Zivanov li jidher fil-filmat jaggredixxi liż-żagħżugħ.
Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, l-akkużat libes kollox iswed deher kalm u wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Huwa qal li jaħdem bħala uffiċjaL tas-sigurtà anki jekk m’għandux il-liċenzja biex jagħmel dan ix-xogħol.
Il-Prosekuzzjoni mmexxxija mill-ispettur Joseph Xerri akkuża wkoll lis-Serb ukoll li kiser il-paċi pubblika.
Il-Maġistrat ordnat sabiex is-Serb jinżamm arrestat.