Illum, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar, il-Pulizija se tressaq il-Qorti lir-raġel ta’ disgħa u għoxrin sena mill-Gżira li kien arrestat ilbieraħ b’rabta ma’ allegat attentat ta’ qtil li seħħ kmieni l-Ġimgħa filgħodu fil-Gżira.
Il-każ seħħ fis-sebgħa ta’ filgħodu, meta daħlet telefonata għand il-Pulizija fl-Għassa ta’ Tas-Sliema mingħand raġel li qal li waqt li kien fl-appartament tiegħu fi Triq ix-Xatt, xi ħadd daħal ġewwa bil-forza, beda jxerred il-petrol, ta n-nar u ħarab minn fuq il-post.
Huwa qal li flimkien ma’ mara t’erbgħin sena li kienet miegħu fl-appartament, irnexxielhom jitfu n-nar.
Ir-raġel ta’ sitta u tletin sena kellu jittieħed għall-kura fl-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li ndarab ħafif minħabba xi ħruq f’partijiet ta’ ġismu.
Ftit wara l-Pulizija arrestat l-allegat aggressur fir-residenza tiegħu fi Triq l-Empire Stadium.
Waqt tfittxija fir-residenza, il-Pulizija sabet ukoll ammont ta’ sustanza allegatament droga. Fost l-oħrajn kien hemm aktar minn nofs kilo sustanza suspettata kannabis, ammont ta’ pilloli suspettati ecstasy u oġġetti oħra suspettati li huma relatati mat-traffikar tad-droga.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/02/05/arrestat-fuq-attentat-ta-qtil-dalghodu-allegatament-beda-jxerred-il-petrol-u-ta-n-nar-fappartament/