John Spiteri ta’ 56, magħruf ukoll bħala “Gianni” inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti b’akkużat b’parteċipazzjoni fi kriminalità organizzata u traffikar ta’ droga. Huwa wieġeb li mhux ħati għal dawn l-akkużi.
Spiteri ġie arrestat f’Malta nhar il-Ġimgħa wara mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Pulizija Taljana.
Id-difiża nnutat li d-dokument li fih hemm ir-ritratti m’humiex iffirmati bħal m’huma d-dokumenti l-oħra, u li l-mandat ma jinkludix in-numru tal-identità ta’ Spiteri.
Minkejja dan, il-prosekuzzjoni sostniet li dakinhar tal-arrest, id-data tat-twelid u n-numru tal-passaport qabblu ma’ dawk tal-imputat.
Il-Qorti staqsiet lill-imputat diversi mistoqsijiet u kkonfermat li l-identità tiegħu taqbel ma’ dik tal-mandat t’arrest.
Spiteri ma tax kunsens għall-mandat ta’arrest Ewropew.
Għal xi mument, il-Qorti ssospendiet is-smigħ tal-każ, hekk kif id-difiża staqsiet jekk l-imputat intweriex ir-ritratt tiegħu waqt l-arrest. il-Prosekuzzjoni wieġbet li dan ma kienx il-każ, għalhekk id-difiża nnutat li fl-istadju ta’ identifikazjoni ma jistax jitlesta.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni, hekk kif innutat li l-periklu eżistenti jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest imur lil hinn minn pajjiżna.
Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest, hekk kif innutat li l-imputat m’huwiex affidabbli biżżejjed biex jingħata l-ħelsien.
Spiteri huwa wieħed minn grupp ta’ 16 li s-sena l-oħra ġew arrestati l-Italja f’operazzjoni tal-Pulizija biex iżżarma ċirku ta’ traffikar ta’ kokaina u ħaxixa f’Malta u l-Italja.