Għall-ħabta tan-nofs siegħa, il-Pulizija se tressaq lill-allegat aggressur li l-Erbgħa li għadda weġġa’ serjament liż-żagħżugħa Kolumbjana ta’ 25 sena, waqt li din kienet qegħda tgħum f’Paceville, San Ġiljan.
Il-mara, li tgħix f’Tas-Sliema, spiċċat fil-periklu tal-mewt, b’riżultat tal-aggressjoni għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu fuq il-blat viċin Triq il-Wilġa. Hi kienet qed tgħum ma’ persuna oħra u, wara li telgħet mill-baħar, ġiet avviċinata mir-raġel, li skontha ma kinitx tafu u nqalgħet kommossjoni.
Hawn ir-raġel allegatament xejjer flixkun imkisser fid-direzzjoni tagħha u kkawżalha ġrieħi f’partijiet ta’ ġisimha. Hu ħarab minn fuq il-post.
L-investigazzjonijiet b’rabta mal-każ ħallew il-frott f’inqas minn tnax-il siegħa wara l-inċident, hekk kif għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija tal-Erbgħa stess, ir-raġel, li rriżulta li kien ukoll Kolumbjan u kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat, intlemaħ f’Pembroke.