Se jitressaq abbozz ta’ liġi għall-approvazzjoni tal-Kamra tad-Deputati li se jikkriminalizza l-ittestjar tal-verġinità. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg.
Fil-fatt ġie spjegat kif din il-liġi se tagħti sinjal ċar kontra prattika diskriminatorja li tikkawża trawma, umiljazzjoni u wġigħ għan-nisa u l-bniet.
Ġie spjegat kif l-ittestjar għall-verġinità hu abbuż li jammonta għal vjolenza sesswali u m’għandu qatt jiġi ttollerat jew aċċettat taħt l-ebda ċirkostanza. Intqal ukoll li dan it-test isir bl-impressjoni żbaljata li wieħed jista’ jiddetermina jekk tfajla qattx kellha interkors sesswali.
Ġeneralment l-eżami tal-verġinità jkun impost fuq nisa u bniet f’soċjetajiet fejn il-ġeneru hu meqjus bħala proprjetà ta’ missierhom jew ta’ żewġhom u għad għandhom ideat sterjotipati dwar is-sesswalità. Fil-fatt, medikament dan it-test m’għandu ebda bażi xjentifika waqt li jikser id-drittijiet tal-bniedem.
Is-Segretarju Parlamentari temmet tgħid li, b’din il-liġi, se titwettaq wegħda oħra tal-Manifest Elettorali u Malta, bħal uħud mill-pajjiżi Ewropej, se tkun minn ta’ quddiem li jkollha din il-liġi kif irrakkomandat minn aġenziji tal-Ġnus Magħquda, fosthom l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, il-WHO.
Qalet, “Bħala pajjiż li jemmen f’dawn id-drittijiet hu dmir tagħna li, bħala stat, nipproteġu lin-nisa u lill-bniet u għaldaqstant se nkunu qed inressqu dan l-abbozz ta’ liġi li fih se nkunu qed inwettqu miżura oħra tal-manifest ‘Malta Flimkien’ u wkoll bħala parti mill-istrateġija tal-gender mainstreaming li nkomplu nsaħħu d-drittijiet tal-mara.”
Sadanittant, Dr Jurgen Dingli spjega r-riperkussjonijiet ta’ persuni li jinsabu ħatja ta’ dan ir-reat, meta dan jidħol fis-seħħ.
Qal, “Il-piena kemm għal dawk li jkunu huma fiżikament qed jagħmlu l-ittestjar kif ukoll dawk li jassistuhom se jkun hemm piena karċerarja bejn sena u ħames snin.”