Il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Edukazzjoni se jkun qed jaħdem sabiex jitranġaw għoxrin bitħa u grawnds fl-iskejjel madwar pajjiżna.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana fl-Iskola Sekondarja taż-Żokkrija fil-Mosta, li huwa parti mill-Kulleġġ Marija Reġina.
F’din l-iskola, permezz ta’ investiment ta’ madwar nofs miljun ewro, grawnd li ma kienx jintuża se jinbidel fi grawnd b’sintetiku, bħala t-tieni fażi ta’ dan il-proġett.
L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett inkluda l-bini mill-ġdid tas-servizzi taħt dan il-grawnd, sabiex il-parkeġġ ma jibqax jegħreq kull darba li tinżel ix-xita.
Il-Ministru Caruana fissret ix-xogħlijiet infrastrutturali fl-iskejjel: “Hija ħidma kbira li għaddejja, b’investiment massiċċ ta’ €150 miljun f’diversi skejjel. Però bħalissa qed niffukkaw fuq l-outdoor areas, għaliex nemmnu illi l-ħajja tal-istudent m’hijiex biss il-ħajja ġewwa l-klassi però hija wkoll il-ħajja li tkun aktar kwalitattiva bi spazji miftuħin u ovvjament fejn ikun hemm faċilitajiet sportivi. Allura proġett ieħor ta’ 20 skola, fejn appuntu se nkunu qed ninvestu biex isiru dawn il-faċilitajiet.”