Bħala parti mill-kampanja “Inwettqu Flimkien”, ġie mħabbar li se jibdew jitqassmu l-vouchers għal min addotta annimal domestiku mill-Animal Welfare taħt l-iskema Adopt a Pet Voucher.
Hekk kif se jibdew jitqassmu fiż-żmien li ġej, dawn il-vouchers li jammontaw għal €70 se jkunu jistgħu jissarfu f’għajnuniet għal kura veterinarja.
Bħalissa fl-Għammieri, hemm madwar 90 kelb u kelba li ġew salvati mill-Animal Welfare, u qed jiġu mħarsa qabel jiġu addottati. B’hekk permezz ta’ din l-iskema, wieħed se jkun imħeġġeġ aktar li jaddotta animal speċjalment meta dan il-proċess hu b’xejn.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, sostniet kif l-impenn favur il-ħarsien tal-annimali minn Gvern Laburista qed iwassal għal skemi bħal dawn biex jidħlu fis-seħħ.
“Il-ħidma ta’ dan il-Gvern hi sabiex inkomplu npoġġu l-annimali fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Il-ħarsien u t-trattament xieraq tal-annimali huwa kruċjali, u għaldaqstant, il-viżjoni ta dan il-Gvern, anke permezz tar-riformi illi qed isiru, qed naraw illi nimplimentaw anke leġiżlazzjonijiet favur il-ħarsien tal-annimali. Illum qed inħabbru skema ġdida sabiex inkomplu nattiraw l-addozzjonijiet tal-annimali.”
Alicia Bugeja Said -Segretarju Parlamentari
Matul il-konferenza, tkellem id-Direttur tad-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, is-Sur Joseph John Vella, fejn saħaq li s-sena li għaddiet, id-Direttorat ħabbar riforma fejn kien qiegħed internament jirrevedi l-proċeduri biex itejjeb is-servizz u r-relazzjoni tiegħu mal-pubbliku fosthom is-servizz 1717.
Hu spjega kemm hu importanti li wieħed ikollu annimal f’daru, għaliex studji riċent urew li dawn joffru benefiċċji bħal nuqqas ta’ stress, jgħinu f’attività fiżika, u jgħinu wkoll f’mument ta’ solitudni.
“Din l-iskema hija miftuħa għall-pubbiku illi jkun interessat jaddotta annimal mid-Direttorat. Wieħed jista’ jarahom l-annimali minn fuq is-sit ta’ adoptapet.gov.mt, jew inkella billi jagħmel appuntament fuq il-linja 1717. Din l-iskema hija intiża biex tiffaċilità l-addozzjoni, u hija wkoll katalist biex ikun hemm numru ta’ benefiċċji assoċjati magħha.”
Joseph John Vella – Direttur