Il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli ħabbar li bdew jitpoġġew water dispensers madwar pajjiżna.
B’dawn il-water dispensers wieħed jista’ jimla’ litru ilma għal 20ċ fi flixkun li jista’ jibqa’ jintuża.
Dan tħabbar mill-Ministru Miriam Dalli li spjegat li se jkompli jissaħħaħ l-impenn ta’ pajjiżna sabiex jitnaqqas l-użu tal-plastik.
Dan il-proġett qed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u diġà tpoġġew mas-sebgħin dispenser fl-Isptar Mater Dei.
Intqal ukoll kif b’kollaborazzjoni mal-Ministru għall-Edukazzjoni se jkunu qed jiżdiedu 200 dispenser fl-iskejjel, li se jkun bla ħlas ukoll.
“Qegħdin naraw li jkollna sistema fejn innaqsu l-użu tal-plastik. Ħafna nies meta jixtru l-ilma awtomatikament jixtru flixkun tal-plastik. Però issa għandna alternattiva oħra, fejn nistgħu f’lokalitajiet differenti nkunu qegħdin nimlew il-flixken tagħna bl-ilma u allura awtomatikament inkunu qegħdin naraw li jkollna konsum ferm aktar responsabbli.”
Il-Ministru Dalli qalet li permezz ta’ dawn id-dispensers, se tkun qed titħeġġeġ bidla fil-mentalità.
Dawn id-dispensers pubbliċi se jkunu qed jitħallsu permezz ta’ karti ta’ kreditu contactless.
Il-prezz tal-ilma se jkun għaxar ċenteżmi għal nofs litru ilma, għoxrin ċenteżmu litru ilma u nofs litru ilma sparkling u erbgħin ċenteżmu għal litru ilma sparking.
Intqal kif dan il-proġett huwa parti minn proġetti li qed tagħmel il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
“Dawn id-dispensers qed insibu ruħhom fil-lokalitajiet differenti ta’ Malta u Għawdex u l-iskop ta’ dan il-proġett huwa illi aħna nagħmlu l-ilma iktar aċċessibli għal kulħadd.”