Waqt l-estimi tal-Budget għas-sena d-dieħla għall-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Ministru Owen Bonnici ħabbar li mistenni jitnieda LGBTIQ Hub li ser iservi ta’ post ċentralizzat minn fejn din il-komunità tkun tista’ taċċessa s-servizzi kollha li jkollha bżonn.
Hu u jħabbar dan il-hub, il-Ministru Bonnici għamel referenza għal diversi problemi li għadha tħabbat wiċċha magħhom din il-komunità.
Hu qal, “Kellna inċidenti ta’ omofobija fi stabbilimenti tad-divertiment u ristoranti, u qed insemmi dawn bħala eżempji għax kien hemm oħrajn, li però juru li bħala pajjiż għad fadal ħafna x’isir biex nibnu monument ieħor ta’ ugwaljanza.”
Il-Ministru rrefera wkoll għal żewġ abbozzi ta’ liġi li ser isaħħu l-ugwaljanza fil-prattika u ser joffru rimedju għal dawk is-sitwazzjonijiet fejn l-ugwaljanza tingħata ġenb.
Matul din is-seduta ta s-sehem tiegħu wkoll id-Deputat Laburista Oliver Scicluna, li saħaq fuq l-ugwaljanza anki fost il-persuni b’diżabilità: “Ħafna mill-affarijiet li nitkellmu fis-settur tad-diżabilità jduru dawra mal-ugwaljanza jew in-nuqqas tagħha. Apparti minn hekk nixtieq li hawn ġew kif ukoll hemm barra jasal il-messaġġ li l-persuni b’diżabilità huma umani li jagħmlu parti minn kull settur.”
Għaldaqstant, Scicluna staqsa għala m’hemmx aktar nies b’abbiltajiet differenti bħala rappreżentanti fil-Parlament u sostna li għandha tibda diskussjoni dwar parlament aktar inklussiv.
Dan filwaqt li l-membru parlamentari Laburista Rosianne Cutajar għamlet aċċenn għall-prinċipju tal-ekwità fl-edukazzjoni biex wieħed jingħata l-għodod kollha bil-għan li jkollu l-opportunità jirnexxi b’mod ugwali.
Hija sostniet: “Jekk nemmnu fl-ugwaljanza rridu naħdmu għal iżjed ekwità. Irridu ninvestu iżjed fit-taħriġ u fir-riżorsi fl-iskejjel tagħna u mhux nippretendu li l-għalliema jagħmlu l-mirakli, ma jistax ikun li nibqgħu nibagħtu lit-tfal id-dar u nagħtuhom il-mediċina. Il-mediċina hija tajba biex tikkontrolla ċertu mġieba imma ma twassalx biex effettivament it-tfal tagħna jitgħallmu l-ħiliet neċessarji.”
Il-Ministru Bonnici tkellem ukoll dwar il-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni fejn hawnhekk ħabbar li fil-fond tar-riċerka tal-Unjoni Ewropea Malta kklassifikat fid-disa’ post mill-istati membri, li tfisser li r-riċerkaturi Maltin qegħdin jassorbu sew l-għajnuna finanzjarja mogħtija lilhom.