Fi ftit xhur, fiż-żona magħrufa bħala tal-Prajjet fil-Park tal-Majjistral, tneħħew madwar 500 tunnellata ta’ skart mormi illegalment, u b’kollox huwa stmat li jitneħħew 500 tunnellata oħra fix-xhur li ġejjin.
Fi żjara fuq il-post, fejn bħalissa għaddejja ħidma biex tiġi rriġenerata ż-żona, il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera spjega li se jitneħħew ukoll strutturi illegali dilapidati.
Dan filwaqt li se jittieħed kontroll ta’ aċċess għall-vetturi, u se jitħawlu mal-1,5000 pjanta u arbuxelli indiġeni li huma addatati għall-post.
Il-Ministru Herrera saħaq li t-tneħħija tal-iskart tal-kostruzzjoni qed isir b’mod sostenibbli; b’parti mill-materjal se jinżamm fuq il-post u jerġa’ jintuża.
“It-terapien se jintuża biex isir soft soil għal fuq ċertu żoni u hemmhekk se nagħmlu proġett ta’ afforestazzjoni, il-ġebel se jintuża biex nikkreaw ħitan tas-sejjieħ biex nipproteġu l-ħamrija biex ma tiġix degredata u qed inneħħu wkoll speċi aljeni u nħawlu speċi li huma aktar addattati għall-post”, sostna l-Ministru Herrera.
Biex l-Awtorità tal-Ambjent, mhux biss qed twettaq xogħol importanti fejn jidħol l-infurzar tal-liġijiet ambjentali imma qiegħda wkoll b’mod proattiv tgħin u tassisti diversi għaqdiet mhux governattivi u kumitati bħal tal-Majjistral biex jiżviluppaw aktar dawn iż-żoni.